Red Joan

  • ***

    Direttur:          Trevor Nunn

    Atturi:              Judi Dench, Sophie Cookson, Tom Hughes, Tereza Srbova, Laurence Spellman, Robin Soans, Kevin Fuller, Simon Ludders u Cuaràn Owens

    Ħin tal-Film:    101 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFKA TAĊ-ĊENSURA:                  12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      12

    F’għodwa fis-sena 2000, Joan Stanley, anżjana ta’ 87 sena, issib ma’ wiċċha numru ta’ uffiċjali  tal-British Secret Service (M15) li ġew biex jarrestawha fuq akkuża serja ta’ tradiment tal-pajjiż. Joan tispiċċa arrestata u nterrogata fuq provi li tul erbgħin sena, hi bdiet tgħaddi nformazzjoni klassifikata u ta’ natura sigrieta lir-Russja. Fis-sena 1938, ġewwa Cambridge, Joan tindieħes ma’ studenti b’tendenza ta’ ideal komunista. Fost dawn, hi tinġibed lejn żagħżugħ, Leo Galich li għalkemm twieled ir-Russja, iżda trabba fil-Ġermanja.

    Minn hawn ħarab wara li n-Nażiżmu refa’ rasu sew. Leo ġie jgħix u jistudja fl-Ingilterra. Joan ukoll issir ħabiba ta’ Sonya, il-kuġina ta’ Leo. Fl-1940, Joan tiggradwa fil-fiżika. Hi tibda taħdem ġewwa l-famuż laboratorju Cavendish f’Cambridge. Joan, tfajla, mill-ewwel turi l-ħila tagħha fil-fiżika. Għall-ewwel ix-xogħol tagħha kien ta’ segretarja tax-xogħol xjentfiku li kien qiegħed isir mix-xjentist, Professur Max Davies. Meta Davies u sħabu x-xjentisti jkunu qegħdin jiddiskutu, deher li kien hemm impass għax ma setgħux isibu soluzzjoni, Joan tissuġġerixxi kif din il-problema tista’ tkun solvuta.  

    Minn hawn ix-xjentisti daħluha magħhom u fi żmien qasir is-soluzzjoni li hi għenet biex tirriżolvi ruħha, flimkien mal-Amerikani u l-Kanadiżi, inħolqot il-bomba atomika. Joan tirrealizza li l-proġetti li kienu qegħdin jaħdmu fuqhom kienu sejrin ikunu proġetti perikolużi. Il-ħajja professjonali tagħha, flimkien ma’ dik tal-ideal politiku ma bdewx jaqblu ma’ xulxin. Hawn Joan xtaqet ħafna li d-dinja li ngħixu fiha tkun dinja aktar fi żgur.

    Lura fis-sena 2000, waqt l-interogazzjoni, mgħejuna minn binha Nick, avukat, insiru nafu li Joan irreżistit il-pressjoni li sħabha kommunisti kienu qegħdin jagħmlulha biex tgħaddi l-informazzjoni lil Russi. Iżda meta l-Amerika tisplodi żewġ bombi atomiċi fuq il-Ġappun, iddeċiedet li tgħaddi l-informazzjoni lir-Russi bit-tama li ż-żewġ potenzi jkollhom dawn l-armi tal-qerda tal-massa ikunu ta’ detriment għal xulxin. Kif irnexxielha li ma tinqabadx tul dawk is-snin kollha?  Kif baqgħet hekk, il-provi kontra tagħha kienu ċari biżżejjed biex titpoġġa fuq akkuża?

    Film Brittaniku, msejjes fuq storja vera mill-ħajja ta’ Melita Norwood, spija Ingliża li għal erbgħin sena sħaħ irnexxielha tgħaddi informazzjoni klassifikata u sigrieta lir-Russi. Il-film taħt id-direzzjoni ta’ Trevor Nunnu u  kitba ta’ Lindsay Shapero. It-tema tal-film titlob li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.