• ****

    Direttur:          Alice Rohrwacher

    Atturi:              Nicoletta Braschi, Adriano Tardiolo, Sergi Lòpez, Alba Rohrwacher, Luca Chikovani u Natalino Balasso

    Ħin tal-Film:    130 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      12

    F’estate magħruf bħala Inviolata, hemm jaħdmu 54 ħaddiem. Xogholhom kien li jkabbru tabakk b’arranġament li jitħallsu bil-proviżjon li kienu jirċievu u mhux paga. Sfortunatament spiss sabu ruħhom fid-djun mas-sid tal-estate, Alfonsina de Luna, mlaqqma bħala “Queen of Cigarettes”. Lazzaro, kien wieħed mill-ħaddiema ħabrieka.  Tancredi, iben Alfonsina, markiż żagħżugħ, isir ħabib ta’ Lazzaro. Il-qagħda li jinsabu fiha l-ħaddiema u l-familji tagħhom li jgħixu fuq l-estate xejn ma kienet tgħoġob lil Tancredi tant li kien jinsab diżilluż bl-isfruttament ta’ dawn il-ħaddiema sempliċi.  

    Tancredi biex jisfida lil ommu, Alfonsina, jippjana li jiffalsifika l-ħtif tiegħu stess. Biex ikun jista’ jagħmel dan, jitlob l-għajnuna ta’ Lazzaro li fis-sempliċità tiegħu jaċċetta li jgħin. Għal dan il-għan, it-tnejn imorru  f’reġjun mhux ikkultivat fejn Lazzaro kien jagħmel użu ta’ għar żgħir biex jirtira hemm għal ftit kwiet. Hemm jiktbu nota falza tal-prezz għall-ħelsien tiegħu, b’Lazzaro bħala dak li kien qiegħed jaħtaf lil Tancredi. Lazzaro stess jieħu ħsieb li jpoġġi n-nota f’post li kien aċċessat spiss min-nies tal-estate. It-tnejn ukoll jimitaw l-għawja ta’ volpi li kien jiġġera  fl-inħawi; Tancredi ssuġġerixxa li huma jqisu ruħhom bhala half brothers. Tancredi kien konxju li missieru kien raġel li spiss kien ikollu x’jaqsam ma’ ħafna nisa. Lazzaro ħa din l-idea bis-serjetà  bi pjaċir kbir.

    Sadanittant, in-nuqqas ta’ Tancredi nħass fl-estate u bdiet tfittxija għalih iżda kien kollu għal xejn tant li oħt Tancredi ssejjaħ għall-għajnuna tal-pulizija. Din l-iktar ħaġa li s-sid tal-estate, Alfonsina  qatt ma riedet. Fil-fatt kellha konsegwenzi koroħ mhux biss għaliha iżda wkoll għal dawk kollha li kienu jgħixu fuq l-estate. Meta l-pulizija ġew biex jieħdu sehem  fit-tfittxija għal Tancredi, kienu mgħaġġba b’dak li sabu u raw. Dak li kien qiegħed isir kien kontra l-liġi. Alfonsina ġiet arrestata u l-każ tagħha sar magħruf bħala “L-Ikbar Ingann”. L-estate Inviolata wkoll ġie evakwat. Sadanittant, Lazzaro jaqa’ minn fuq irdum u l-volpi meta jsibu jidentifikah meta jxommu bħala raġel tajjeb. X’jiġri minn hawn?

    Film Taljan b’sottotitoli bl-Ingliż, taht id-direzzjoni u kitba ta’ Alice Rohwacher. Il-film irċieva reċenzjonjiet pożittivi ħafna. Minħabba t-tema tal-film, xi kliem goff kif ukoll xena fejn persuna tiġi attakkata b’mod aggressiv, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.