Il-President ta’ Malta jżur id-Dar tal-Providenza

  • Il-President ta’ Malta Dr George Vella akkumpanjat mis-Sinjura Vella, għamel l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu fid-Dar tal-Providenza. F’diskors lir-residenti u ħaddiema qal li fid-Dar tal-Providenza jara miraklu ħaj li jiġġedded kuljum. Huwa żied jgħid li spiċċa ż-żmien meta persuna b’diżabilità kienet tiġi mwarrba jew ma tingħatax l-attenzjoni li ħaqqha. Din hija xi ħaġa li tirrifletti l-iżvilupp tas-soċjetà tagħna fejn il-persuni b’diżabilità jieħdu dak li hu tagħhom bi dritt u mhux b’karità.  Il-President qal li din hija xi ħaġa li verament tgħolli d-dinjità tal-bniedem għax kull bniedem, anke jekk għandu xi nuqqasijiet, huwa xbieha ta’ Alla u jistħoqqlu r-rispett ta’ kulħadd.  Dr Vella temm billi rringrazzja lill-ħaddiema u l-voluntiera kollha għad-dover u x-xogħol li qed jagħmlu f’isem is-soċjetà.

    F’diskors ta’ merħba, Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, feraħ lil Dr Vella għall-ħatra tiegħu fl-għola kariga tal-pajjiż u qallu li l-preżenza tiegħu u tas-Sinjura tiegħu fid-Dar mhux biss hija ta’ unur għall-amministrazzjoni, residenti u ħaddiema imma hija wkoll turija li bħall-predeċessuri tiegħu għandu għal qalbu il-ħidma li ssir fid-Dar.

    Fr Martin żied jgħid li d-Dar tal-Providenza hi u tibqa’ impenjata toffri s-servizzi tagħha lill-persuni b’diżabilità filwaqt li tkun ta’ ispirazzjoni għas-soċjetà Maltija tal-valuri li jiddistingwuna bħala poplu, dak tas-solidarjetà u r-rispett lejn kull persuna mill-konċepiment sal-mewt.

    Il-President u s-Sinjura Vella żaru il-kappella u l-mużew iddedikat lil Mons. Mikiel Azzopardi u wara raw il-ħidma li ssir fil-pixxinatTerapewtika, fiċ-ċentru agrikolu, fil-kmamar multisensorjali u tal-mużika. Ħadu wkoll l-opportunità li jiltaqgħu ma’ għadd ta’ ħaddiema.

    Waqt ikla li saret f’ġieħ il-President, Fr Martin ippreżenta lil Dr Vella bi plattin li fuqu hemm messaġġ iffirmat minn Mons. Mikiel Azzopardi.