• ****

    Direttur:          Rob Letterman

    Atturi:              Ryan Reynolds, Justice Smith, Kathryn Newton, Suki Waterhouse, Omar Chaparro, Chris Geere, Ken Watanabe u Bill Nighy

    Ħin tal-Film:    104 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                             PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                  12A

    Ġewwa l-belt ta’ Ryme, metropolis ippopolata bil-ftehim bejn l-umani u l-Pokémoni biex hekk jgħixu f’armonija flimkien, niltaqgħu ma’  Tim Goodman, ġuvni ta’ 21 sena, li fil-passat kien iħarreġ il-Pokémoni. Illum il-ġurnata, qiegħed jaħdem f’uffiċċju tal-assigurazzjoni. Jum wieħed jiġi f’kuntatt ma’ Pikachu, Pokémon li  kien jitkellem iżda Tim biss kien jifhem x’qiegħed jgħid. Ma kinitx normali li l-Pokémoni jitkellmu. Għal bidu, Tim baqa’ mistgħaġeb meta semgħu jitkellem u jirraġuna. Il-Pokémoni tradizzjonalment kienu deskritti li kienu kapaċi biss li jipperċepixxu l-emozzjonijiet umani u xejn iżjed ħlief li jippronunzjaw isimhom. Tim ntebaħ ukoll li Pikachu kien il-Pokémon ta’ missieru, Harry Goodman. Dan sar jafu għaliex fil-beritta li Pikachu kien dejjem jilbes fuq rasu, taħt din il-beritta kien hemm l-isem ta’ missieru, Harry Goodman.

    Harry li kien jaħdem ta’ detektiv kien sparixxa għalkemm videotape kien juri li hu kien miet f’inċident stradali. Tim kellu suspett, li wara kollox, missieru kien għadu ħaj. Pikachu li kien iddakkar minn Harry, kien jqis ruħu bħala detektiv. Għalhekk, hu ppropona lil Tim li jibdew jinvestigaw u jaraw jekk kienx tassew minnu li missieru kien miet traġikament. Sfortunatament, Tim kien kisirha ma’ missieru u għalkemm għal bidu ma tantx ħa lil Pikachu bis-serjetà, aċċetta li jibdew jaħdmu flimkien issa li saru ħbieb. Tim sab ukoll igħinu f’din l-investigazzjoni lil Lucy Stevens li kienet qegħda taspira li ssir reporter. Tim inġibed lejn Lucy li kienet tfajla fuq tagħha u intelliġenti. X’jiġri hekk kif Tim u Lucy, flimkien mal-Pokémeni, Pikachu “il-detektiv” u Psyduck, li kienet dejjem takkumpanja lil Lucy, jibdew l-istħarriġ tagħhom?  Ma jdumux ma jiltaqgħu ma’ numru ta’ karattri diversi ta’ Pokémeni li dehru li kellhom pjan li jeqirdu il-paċi eżistenti bejn l-umani u l-Pokèmeni u li zgur kienet sejra tipperikola d-dinja tal-Pokémoni!

    Film ta’ fantasija u misteru, taħt id-direzzjoni ta’ Rob Letterman u kitba tiegħu stess flimkien ma’ Dan Harnandez, Benji Samit u Derek Connolly. Minħabba azzjonjiet perikolużi, kliem goff u suġġestiv u elementi tematiċi, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu tnax-il sena u fuqhom, iżda persuni ta’ età iżgħar minn tnax-il sena jistgħu jarawh jekk ikunu akkumpanjati minn xi persuna adulta.