L-Arċisqof ibierek ġebla kommemorattiva taċ-ċentru terapewtiku l-ġdid ta' Caritas Malta

It-tberik ta' ġebla kommemorattiva taċ-Ċentru Terapewtiku għall-Adolexxenti “Tal Ibwar”

  • Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     

  • Iċ-Ċentru Terapewtiku tal-Ibwar, Ta' Kandja

    17 ta' Mejju 2019


    L-ewwel nett nirringrazzja lill-persuni distinti kollha. Ippermettuli nagħti anke tislima speċjali lilek Mons. Victor Grech. Aħna llum qegħdin hawn ukoll anke minħabba l-aspirazzjoni profetika u ta’ kuraġġ kbir li kellek. Il-Knisja, li titkellem ħafna, inti tagħtiha wiċċ konkret ta’ kumpassjoni u solidarjetà.

    Meta m’ilux il-Caritas iċċelebrat anniversarju importanti, kelli ċ-ċans ngħid li l-kelma tal-isqof tagħmel sens għaliex hija mseddqa b’dak kollu li tagħmel il-Caritas u tant realtajiet soċjali oħra li Knisja, anke fl-edukazzjoni, tagħti kontribut.

    Jiena nixtieq nirringrazzja lill-Istat tal-fiduċja li wera fil-Caritas. Din hija inizjattiva afdata lill-Caritas u allura hemm sinjal ċar ta’ fiduċja f’dak kollu li sar fiż-żmien: is-sens ta’ leadership, ta’ kumpassjoni, il-kapaċità li naħdmu flimkien, u li l-interess prinċipali jkun iż-żagħżugħ u l-adulti li għandhom bżonn l-għajnuna. Dan kollu hu rikonoxxut b’mod konkret meta l-Istat qed jafdalna din l-isfida. Imma l-Istat mhuwiex qed jagħti biss fiduċja imma anke riżorsi kbar. Nieħu pjaċir meta nisma’ l-kelma ‘investiment’. Huwa investiment fis-soċjetà tagħna meta ż-żgħażagħ, minħabba trawma jew oħra, ikunu waqgħu fid-dipendenza ta’ xi sustanza jew affarijiet oħrajn, u aħna mhux nikkundannawhom jew nitfgħulhom il-ġebel imma ngħinuhom. Dan hu sinjal konkret ta' soċjetà li meta titkellem fuq is-solidarjetà, ixxammar il-kmiem u tagħmel xi ħaġa.

    F’isem il-Knisja nixtieq nirringrazzja lilek Onor. Prim Ministru, lill-Gvern u lis-soċjetà tal-fiduċja. Ippermettuli li f’isem Caritas Malta nimpenja ruħi li din il-fiduċja aħna se nonorawha u nagħtu ħajjitna biex dan is-servizz ikun ta’ ġid għaż-żgħażagħ tagħna. Jalla kull żagħżugħ u żagħżugħa li jmissu ma’ din l-esperjenza, meta jtemmuha jkunu persuni aħjar għax it-tajjeb jinsab f’kulħadd. Aħna qegħdin hemm biex ngħinu lil xulxin.

    Laqtitni ħafna x-xbieha li uża l-Ministru Michael Falzon meta qal li l-Ibwar hu post mingħajr direzzjoni. Imma jalla li ż-żgħażagħ li se joħorġu minn hawn ikollhom direzzjoni li tagħmel minnhom ċittadini mġarrbin imma kburin li huma parti minn Stat li meta jkun hemm bżonn is-solidarjetà, juriha b’mod konkret.

    Nirringrazzja lil kulħadd mhux biss tal-preżenza imma wkoll ta’ dan l-effort li jagħti sinjal ukoll li fejn naħdmu flimkien ikollna l-aqwa riżultati. Grazzi.



    Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta