• L-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM) għandha responsabbiltà kbira biex tikkontribwixxi lejn il-ġid tad-dinja.

    Fid-dawl tal-għarfien dwar l-impatt tagħna fuq id-dinja, dik li l-Papa Franġisku jsejħilha “d-Dar Komuni tagħna”, l-AKM trid tiżgura li l-ħidma wiesgħa tagħha tħalli l-inqas impatt ambjentali possibli. L-AKM temmen li ma tistax tgħaddas rasha fir-ramel u tibqa’ għaddejja bl-attività tagħha qisu mhu jiġri xejn. It-tgħallim Nisrani fil-gruppi tagħha, kemm tal-adulti kif ukoll maż-żgħażagħ fiż-ŻAK, irid ikun sħiħ u għalhekk irridu ngħinu lin-nies jirrealizzaw li ma nistgħux inkunu nsara ta’ veru jekk il-mod kif ngħixu ma jkunx jirrifletti f’kollox dak li nemmnu.

    Fid-dawl ta’ dan, l-AKM għadha kif lestiet installazzjoni ta’ 98 pannella fotovoltajiċi ġewwa l-Oratorju ‘Qalb bla Tebgħa ta’ Marija’ fl-Imġarr. Permezz ta’ dan il-proġett qed jintuża spazju li ma kienx użat, biex jibdew jikkontribwixxu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet perikolużi fil-proċess tal-produzzjoni tal-elettriku. Il-proġett qed iservi wkoll biex, din il-binja li tintuża ħafna għall-ħidma pastorali fil-parroċċa tal-Imġarr, tiġi protetta mill-ħsara li kien qed isirilha minħabba l-ilma li kien jidħol mill-bjut.

    Dan huwa t-tieni proġett ta’ dan it-tip għall-Azzjoni Kattolika, wara li fid-dar taż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika f’Birkirkara, li llum qed titgawda minn għadd kbir ta’ żgħażagħ, madwar 5 snin ilu kienu ġew installati 38 pannella.

    Malta kienet mal-aħħar tliet pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fil-konsum tal-enerġija rinovabbli skont stħarriġ tal-Eurostat li sar għas-sena 2017. Fl-2017, 7.2% biss tal-enerġija kkunsmata f’Malta kienet ġejja minn sorsi rinovabbli. Il-medja fl-Unjoni Ewropea kienet ta’ 17.5% fl-2017. Dan il-proġett se jkun qed jgħin sabiex Malta tilħaq il-mira biex sal-aħħar tal-2020, fejn 10% mill-konsum kollu tal-enerġija jiġi minn sorsi rinovabbli.

    Dan il-proġett hu ukoll pass żgħir ieħor biex il-ħidma tal-Knisja f’Malta tkun tirrifletti l-ispirtu tal-enċiklika ta’ Papa Franġisku, Laudato Si. Ix-xewqa tal-AKM hi li fis-snin li ġejjin dan l-investiment iwassalha biex tkun tista’ tiddedika aktar riżorsi fis-sena għall-formazzjoni Nisranija tat-tfal, żgħażagħ u adulti.