• Għeżież Aħwa,

    Il-fidi tiżgurana li b’mod misterjuż is-Saltna ta’ Alla hija diġà preżenti hawn, fid-dinja (cf. Gaudium et Spes, 39). Madankollu, fi żmienna, b’dieqa naraw li hija tiltaqa’ ma’ ostakli u oppożizzjoni. Il-konflitti vjolenti u gwerer sħaħ ikomplu jkissru l-umanità; l-inġustizzji u d-diskriminazzjoni jirkbu fuq xulxin; l-iżbilanċi ekonomiċi u soċjali fuq skala lokali u globali huma diffiċli li jintrebħu. U fuq kollox huma l-ifqar fost il-fqar u l-iktar żvantaġġati li jħallsu l-prezz.

    Is-soċjetajiet li huma l-iktar avvanzati ekonomikament qed jaraw xejra dejjem akbar lejn individwaliżmu estrem li, imsieħeb minn mentalità utilitarjana u msaħħaħ mill-midja, qed jipproduċi “globalizazzjoni ta’ indifferenza”. F’dan ix-xenarju, il-migranti, ir-refuġjati, il-persuni maqlugħin minn għeruqhom u l-vittmi tat-traffikar saru emblemi ta’ esklużjoni. Barra t-tbatijiet li ġġibilhom magħha l-qagħda tagħhom, in-nies spiss tħares bl-ikrah lejhom u tqishom bħala l-għeruq tad-deni kollu tas-soċjetà. Din l-attitudni hija twissija mill-qanpiena tal-allarm dwar il-ħsara morali li se nħabbtu wiċċna magħha jekk se nkomplu nwittu t-triq ta’ kultura li tarmi l-bnedmin. Fil-fatt, jekk din tkompli, kull min ma jkunx fi ħdan in-normi aċċettati ta’ qagħda tajba fiżikament, mentalment u soċjalment huwa f’riskju li jiġi emarġinat u eskluż.

    Għaldaqstant, il-preżenza tal-migranti u r-refuġjati – u tal-bnedmin vulnerabbli in ġenerali – hija stedina biex nirkupraw xi wħud mid-dimensjonijiet essenzjali tal-eżistenza Nisranija tagħna u tal-umanità tagħna li, f’soċjetà prospera, huma f’riskju li jintesew. Huwa għalhekk li mhix biss dwar il-migranti. Meta aħna ninkwetaw għalihom, aħna nkunu ninkwetaw ukoll għalina nfusna, għal kulħadd; meta nieħdu ħsiebhom, nikbru lkoll kemm aħna; meta nisimgħuhom, inkunu qed nagħtu wkoll leħen lil parti minna nfusna li għandu mnejn inkunu qed inżommuha moħbija għaliex fi żmienna n-nies ma tħarisx tajjeb lejha.

    “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!” (Mt 14:27). Mhix biss dwar il-migranti: hija wkoll dwar il-biżgħat tagħna. Is-sinjali tal-ħażen li aħna naraw madwarna jkabbru “l-biżgħa tagħna mill-‘oħrajn’, minn min ma nafux min hu, l-emarġinat, il-barrani… Dan narawh b’mod partikolari llum, meta migranti u refuġjati jiġu jħabbtu fuq biebna jfittxu l-protezzjoni, is-sigurtà u ġejjieni aħjar. Sa ċertu punt, il-biżgħa hu leġittimu, inkluż għaliex mhemmx tħejjija għal dan l-inkontru” (Omelija fi Sacrofano, 15 ta’ Frar, 2019). Imma l-problema mhix li aħna jkollna d-dubji u l-biżgħat. Il-problema hija meta dawn jikkundizzjonaw il-mod kif aħna naħsbu u naġixxu, sal-punt li jagħmluna intolleranti, magħluqin u forsi – mingħajr ma nirrealizzaw – saħansitra razzisti. B’dan il-mod, il-biżgħa jċaħħadna mix-xewqa u l-ħila li niltaqgħu ma’ l-ieħor, il-persuna differenti minni nnifsi; iċaħħadni minn opportunità li niltaqa’ mal-Mulej (cf. Omelija fil-Quddiesa tal-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati, 14 ta’ Jannar 2018).

    “Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? Mhux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan?” (Mt 5:46). Mhix biss dwar il-migranti: hija dwar il-karità.  Bl-għemil ta’ karità, aħna nuru l-fidi tagħna (cf. Jas 2:18). U l-ogħla forma ta’ karità hija dik murija ma’ dawk li ma jkunux f’qagħda li jirreċiprokawlna u forsi lanqas li jirringrazzjawna. “Huwa dwar il-wiċċ li aħna rridu nagħtu lis-soċjetà tagħna u dwar il-valur ta’ kull ħajja umana… Il-progress tal-popli tagħna… jiddependi fuq kollox fuq kemm aħna nkunu miftuħin biex nitqanqlu u nħossu għal dawk li jħabbtu fuq biebna. Wiċċhom ifarrak u jġib fix-xejn l-idoli foloz kollha li jistgħu jaħkmu lil ħajjitna u jagħmluha lsira tagħhom; idoli li jwegħdu ferħ illużorju u momentarju, għama għall-ħajjiet u t-tbatijiet ta’ nies oħrajn” (Indirizz lill-Caritas Djoċesana ta’ Rabat, 30 ta’ Marzu, 2019).

    “Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru” (Lq 10:33). Mhix biss dwar il-migranti: hija wkoll dwar l-umanità tagħna. Kienet il-mogħdrija li qanqlet lis-Samaritan – li għal-Lhud kien barrani – biex ma jibqax sejjer. Il-mogħdrija hija sentiment li ma jistax jiġi spjegat fuq livell purament razzjonali. Il-mogħdrija tmiss l-iktar kordi sensittivi tal-umanità tagħna, b’mod li tnissel fina ħerqa qawwija biex inkunu “proxxmu” għal dawk kollha li aħna naraw f’diffikultà. Kif jgħallimna Ġesὺ stess (cf. Mt 9:35-36; 14:13-14; 15:32-37), li nuru mogħdrija jfisser li nagħrfu t-tbatija ta’ ħaddieħor u li nieħdu minnufih azzjoni biex indewwu, infejqu u nsalvaw. Li nuru mogħdrija jfisser li nħallu spazju għal dik il-ħlewwa li s-soċjetà tal-lum spiss tridna noħonqu. “Li aħna niftħu lilna nfusna għall-oħrajn ma jfaqqarniex, imma jagħmilna iżjed għonja, għaliex jgħinna nkunu iktar umani: biex nagħrfu lilna nfusna bħala sħab f’kollettività akbar u nifhmu lil ħajjitna bħala don għall-oħrajn; biex bħala mira tagħna jkollna mhux l-interessi tagħna nfusna, imma l-ġid tal-umanità” (Indirizz fil-Moskea ta’ Heydar Aliyev f’Baku, 2 ta’ Ottubru, 2016).

    “Araw li ma tonqsux mill-istima lejn xi wieħed minn dawn iż-żgħar; għax, ngħidilkom, l-anġli tagħhom fis-smewwiet dejjem jaraw wiċċ Missieri li hu fis-smewwiet”(Mt  8:10). Mhix biss dwar il-migranti: hija kwistjoni li ħadd ma jkun eskluż. Id-dinja tal-lum qed issir dejjem aktar waħda elitista u krudili mal-esklużi. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed ikomplu jaraw l-aħjar riżorsi naturali u umani tagħhom jinxtorbu għall-benefiċċju ta’ ftit swieq privileġġjati. Il-gwerer jeffettwaw biss uħud mir-reġjuni tad-dinja. Madankollu, l-armi tal-gwerra jsiru u jinbiegħu f’reġjuni oħrajn li mbagħad ma jridux jilqgħu lir-refuġjati li jnisslu dawn il-konflitti. Dawk li jħallsu l-prezz huma dejjem iż-żgħar, l-iktar vulnerabbli, li ma jitħallewx joqogħdu mal-mejda u li għalihom hemm biss il-frak tal-ikla  (cf. Lq 16:19-21). “Il-Knisja li tistinka ’l quddiem… tista’ timxi ’l quddiem, tieħu l-inizjattiva b’kuraġġ, toħroġ għall-oħrajn, tfittex lil dawk li jkunu waqgħu mal-ġenb, tieqaf f’salib it-toroq u tilqa’ lill-imwarrbin” (Evangelii Gaudium, 24). Żvilupp li jeskludi jagħmel lill-għonja iktar għonja u lill-fqar iżjed fqar. Żvilupp reali, mill-banda l-oħra, ifittex li jinkludi lill-bnedmin kollha tad-dinja, imexxi ’l quddiem it-tkabbir sħiħ tagħhom, u jieħu ħsieb il-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

    “Min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom; u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd” (Mk 10:43-44). Mhix biss dwar il-migranti: hija dwar li nqegħdu lil ta’ l-aħħar fl-ewwel post. Ġesὺ Kristu jitlobna biex ma nċedux għal-loġika tad-dinja, li tiġġustifika l-inġustizzja mal-oħrajn biex ingawdi jien jew dawk tal-grupp tiegħi. “L-ewwel jien, u mbagħad l-oħrajn!” Minflok, il-motto veru tan-Nisrani hu, “Tal-aħħar jiġu l-ewwel!”. Spirtu individwalista huwa art għammiela għal dik ix-xorta ta’ indifferenza għall-proxxmu tagħna li twassalna biex inħarsu lejh biss f’termini ekonomiċi, insiru ma jimportaniex mill-umanità tiegħu, u fl-aħħar ifeġġu fina sentimenti ta’ biżgħa u ċiniżmu. Mhux dawn huma l-attitudnijiet li aħna spiss nadottaw lejn il-fqar, l-emarġinati u ‘l-iżgħar’ tas-soċjetà? U kemm għandna minn dawn ‘l-iżgħar’ fis-soċjetajiet tagħna! Fosthom, jiena naħseb l-ewwel fil-migranti, bit-toqol tagħhom ta’ nuqqasijiet u tbatijiet, waqt li kull jum ikunu qed fittxu, spiss f’disperazzjoni, post fejn jgħixu fil-paċi u d-dinjità (Indirizz lill-Korp Diplomatiku, 11 ta’ Jannar, 2016). Fil-loġika tal-Evanġelu, tal-aħħar jiġu l-ewwel, u aħna għandna nqegħdu lilna nfusna għas-servizz tagħhom.

    “Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra” (Ġw10:10). Mhix biss dwar il-migranti: hija dwar il-persuna sħiħa, dwar il-bnedmin kollha. Fi kliem Ġesὺ, aħna nsibu l-qalba tal-missjoni tiegħu: li jara li kulħadd jirċievi id-don tal-ħajja fis-sħuħija kollha tiegħu, skont ir-rieda tal-Missier. Fiċ-ċentru ta’ kull attività politika, kull programm, kull azzjoni pastorali rridu nqegħdu dejjem il-bniedem, fil-bosta aspetti tiegħu, inkluża d-dimensjoni spiritwali. U dan japplika għall-bnedmin kollha, li l-ugwaljanza fundamentali tagħhom trid tkun magħrufa. Minn dan joħroġ li “l-iżvilupp ma jistax ikun ristrett għal tkabbir ekonomiku waħdu. Biex ikun awtentiku, irid ikun jieħu ħsieb kollox; irid jgħin l-iżvilupp ta’ kull bniedem u tal-bniedem sħiħ” (San Pawlu VI, Populorum Progressio, 14).  

    “Għalhekk ma għadkomx aktar barranin u frustieri, imma intom ċittadini flimkien mal-qaddisin u n-nies tad-dar ta’ Alla” (Ef 2:19). Mhix biss dwar il-migranti: hija dwar il-bini tal-belt ta’ Alla u l-bniedem. Fi żmienna, li jista’ jissejjaħ ukoll l-era tal-migrazzjoni, ħafna nies innoċenti jaqgħu vittmi tal-“ingann kbir” ta’ teknoloġija mingħajr limitu u żvilupp konsumerista (cf. Laudato Si’, 34). B’riżultat, huma jibdew vjaġġ lejn “ġenna tal-art” li inevitabbilment ma tkunx dik li jkunu qed jistennew. Il-preżenza tagħhom, xi drabi skomda, tgħin biex tikxef il-mit ta’ progress li minnu jgawdu l-ftit waqt li jibni fuq l-eplojtazzjoni tal-ħafna. “Aħna stess għandna bżonn naraw, u mbagħad nuru lill-oħrajn, li l-migranti u r-refuġjati ma jippreżentawx biss problema li trid tiġi solvuta, iżda huma aħwa li jridu jiġu milqugħin, rispettati u maħbubin. Il-migranti u r-refuġjati huma okkażjoni li l-Provvidenza tagħtina biex tgħinna nibnu soċjetà iktar ġusta, demokrazija iktar perfetta, pajjiż iktar magħqud, dinja iktar fraterna u komunità Nisranija iktar miftuħa u evanġelika” (Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati 2014).

    Għeżież aħwa, it-tweġiba tagħna għall-isfidi tal-migrazzjoni tal-lum tista’ tinġabar f’erba’ verbi: nilqgħu, nipproteġu, nippromwovu u nintegraw. Madankollu, dawn il-verbi ma japplikawx biss għall-migranti u r-refuġjati. Huma jiddeskrivu l-missjoni tal-Knisja ma’ dawk kollha li qed jgħixu fil-periferiji tal-eżistenza, li jridu jkunu milqugħin, imħarsin, miġjubin ’il quddiem u integrati. Jekk aħna nqegħdu dawn l-erba’ verbi fil-prattika, aħna nkunu qed ngħinu biex tinbena l-belt ta’ Alla u tal-bniedem. Inkunu qed immexxu ’l quddiem l-iżvilupp sħiħ tal-bnedmin kollha. Inkunu qed ngħinu wkoll lill-komunità dinjija biex tersaq iktar qrib lejn il-miri ta’ żvilupp sostenibbli li hija fasslet għaliha nfisha u li, mingħajr approwċ bħal dan, ikun diffiċli li jinkisbu.

    F’kelma waħda, fin-nofs mhemmx biss il-kawża tal-migranti; mhix biss dwarhom, imma dwarna lkoll, u dwar il-preżent u l-ġejjieni tal-familja umana. Il-migranti, speċjalment dawk li huma l-iktar vulnerabbli, jgħinuna naqraw “is-sinjali taż-żminijiet”. Permezz tagħhom, il-Mulej qed isejħilna għall-konverżjoni, biex ninħelsu mill-esklussività, l-indifferenza u l-kultura li tarmi. Permezz tagħhom, il-Mulej jistedinna biex inħaddnu l-ħajja Nisranija tagħna b’mod sħiħ u biex nikkontribwixxu, kulħadd skont il-vokazzjoni proprja tiegħu jew tagħha, għall-bini ta’ dinja li tkun dejjem aktar skont il-pjan ta’ Alla. Waqt li nesprimi din it-talba ta’ tama, u bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, nitlob il-barka abbundanti ta’ Alla fuq il-migranti u r-refuġjati kollha tad-dinja u fuq dawk kollha li jakkompanjawhom fil-vjaġġ tagħhom.

    Mill-Vatikan, 27 ta’ Mejju, 2019

    Il-Papa Franġisku ħejja dan il-messaġġ għall-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati li se jiġi ċelebrat il-Ħadd, 29 ta’ Settembru, 2019.

    It-traduzzjoni tal-messaġg bil-Malti saret mill-Kummissjoni Emigranti.