"Fejn ikun hemm Ġesù aħna nkunu protetti'" - L-Arċisqof

Quddiesa li tinkludi s-Sagrament tal-Magħmudija

  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna


  • Il-Knisja Parrokkjali ta' San Ġużepp Ħaddiem, Birkirkara

    13 ta' Mejju 2019

    X’qed jipprova jgħidilna Ġesù fil-kliem sabiħ li qralna l-kappillan Fr Charlon? Intom tafu x’jiġifieri ‘ħalliel’? Ħalliel jiġi u jisraq xi ħaġa li mhijiex tiegħu. Pereżempju, min jieħu ħsieb id-dar tagħkom? Il-mamà u l-papà, hux? Dawn, meta jidħlu d-dar, ikollhom iċ-ċavetta, jidħlu u jieħdu ħsieb id-dar. Meta inti tasal id-dar mill-iskola u ssib xi ħadd minnhom id-dar, tieħu pjaċir jew le? Iva! Imma kieku jkollok issib ħalliel, x’tagħmel? Tieħu pjaċir? Le!

    Ġesù qed jgħid li hu mhuwiex ħalliel għax għandu ċ-ċavetta, anzi, jgħid: “Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva” (Ġw 10:9). Xi jfisser dan il-kliem? Li meta nkunu ma’ Ġesù qegħdin at home; fejn ikun hemm Ġesù aħna nkunu protetti. Illum se nitolbu ħafna għal Ivan Emmanuel għaliex se jsir ħabib ta’ Ġesù. Ġesù se jaħfirlu dnubiet kollha, ta’ ħajtu kollha, u jitgħammed fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu u jsir Nisrani.

    Ħa nispjegalkom minn fejn ġejja l-kelma ‘Nisrani’. Aħna l-Maltin forsi l-uniku poplu li din il-kelma nużawha b’ċertu kburija. ‘Nisrani’ jew ‘Nażri’ tfisser xi ħadd li jimxi wara Ġesù ta’ Nazaret. Fl-Għarbi, pereżempju, l-Insara jgħidulhom li aħna l-Messija. Aħna dejjem sejjaħna lilna nfusna bħala dawk li nimxu wara Ġesù ‘n-Nażri’, għalhekk nissejjħu ‘Insara’. Nazaret kienet il-belt fejn trabba Ġesù għax Ġesù twieled Betlehem kif tafu. Imma aħna tant nixtiequ nkunu qrib Ġesù ta’ Nazaret li nissejħu Nsara, minn Nazaret, Insara.

    Meta Ġesù salbuh, x’kitbu? Ġesù ta’ Nazaret Sultan tal-Lhud. Għalhekk fuq is-salib hemm dawk l-erba’ ittri, INRI. Bil-Latin, għax meta salbu lil Ġesù l-Imperu Ruman kien jitkellem bil-Latin, dawn ifissru: Iesus Nazarenus Rex Iudaeorum (INRI). Bil-Malti: Ġesù ta’ Nazaret Re tal-Lhud. Allura, meta nsejħu lilna nfusna Nsara nkunu qed nirreferu għal dik l-‘N’ ta’ fuq is-salib, Nazarenus. Dan ifisser li aħna tal-istess familja.


     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta

     

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Atti 11, 1-18
    Salm: 41 (42), 2-3; 42 (43), 3.4
    Evanġelju: Ġw 10, 1-10