Il-Papa Franġisku: Minn komunità tas-social network għal komunitàjiet umani

Messaġġ tal-Papa Franġisku għat-53 Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali


  • Għeżież ħuti,

    Sa minn meta l-internet beda jkun għad-dispożizzjoni tagħna, il-Knisja dejjem fittxet li tippromwovi l-użu tiegħu biex in-nies jiġu aktar flimkien u biex ikun mezz ta’ solidarjetà bejn kulħadd. B’dan il-messaġġ nixtieq li għal darb’oħra nistedinkom tirriflettu fuq kemm hi ħaġa bażika u importanti li nkunu f’relazzjoni bejnietna u biex, f’dan il-baħar ta’ sfidi fil-kuntest komunikattiv tal-lum, niskopru mill-ġdid ix-xewqa tal-bniedem li ma jibqax waħdu, fis-solitudni tiegħu.


    Il-metafora  tan-“net” u tal-“komunità”

    Illum, l-ambjent tal-media tant sar mifrux li ma jintgħarafx mill-isfera tal-ħajja ta’ kuljum. In-netwerk huwa riżorsa ta’ żmienna. Hu għajn ta’ għarfien u relazzjonijiet li qatt ma konna noħolmuhom. Madankollu, hemm bosta esperti li meta jiġu biex jitkellmu dwar il-bidliet profondi li bihom it-teknoloġija qed timmarka l-loġika tal-produzzjoni, taċ-ċirkolazzjon u tal-użu tal-kontenut, dawn jisħqu wkoll fuq ir-riskji li jheddu t-tfittxija u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni awtentika fuq skala globali. Jekk l-internet hu tassew possibbiltà straordinarja ta’ aċċess għall-għarfien, huwa veru wkoll li dan hu wieħed mill-postijiet l-aktar esposti għall-informazzjoni żbaljata u għat-tgħawwiġ konxju u immirat tal-fatti u tar-relazzjonijiet interpersonali, li spiss jintużaw biex itellfu l-krettu.

    Hemm bżonn nagħrfu li jekk min-naħa l-waħda n-netwerks soċjali jservu biex jgħaqqduna, biex insibu u ngħinu lil xulxin, min-naħa l-oħra dawn jiffaċilitaw l-użu manipulattiv ta’ informazzjoni personali, bl-għan ta’ vantaġġ fuq livell politiku jew ekonomiku, mingħajr rispett lejn il-persuna u d-drittijiet tagħha. L-istatistika turi li fost iż-żgħażagħ, wieħed minn kull erbgħa hu involut f’episodji ta’ cyberbulling[1]

    Fil-kumplessità ta’ dan ix-xenarju, forsi jiswa li mmorru lura lejn il-metafora tan-netwerk li tpoġġiet fil-bidu bħala l-bażi tal-internet, biex nirriflettu u niskopru mill-ġdid il-potenzjal pożittiv tagħha. Il-figura tan-netwerk tistedinna biex nirriflettu fuq l-għadd kbir ta’ linji u kif dawn jidħlu f’xulxin, xi ħaġa li tiżgura l-istabbilità tan-netwerk minkejja li m’hemmx ċentru, li m’hemmx struttura ġerarkika, forma ta’ organizzazzjoni vertikali. In-netwerk jiffunzjona grazzi għas-sehem flimkien tal-elementi kollha.

    Jekk inħarsu lejn id-dimensjoni antropoloġika tal-metafora tan-network, din tfakkarna f’figura oħra mimlija tifsiriet: dik tal-komunità. Aktar ma komunità tfittex li tkun magħquda u solidali, aktar ma tkun animata minn sentimenti ta’ fiduċja u tfittex objettivi komuni, aktar tkun b’saħħitha. Il-komunità bħala netwerk ta’ solidarjetà teħtieġ is-smigħ reċiproku u d-djalogu mibni fuq l-użu responsabbli tal-kelma.

    Fix-xenarju preżenti, ilkoll nistgħu naraw b’mod ċar li s-social network community mhijiex awtomatikament sinomina ma’ komunità. Fl-aħjar każi, dawn is-sistemi jirnexxilhom jagħtu prova ta’ għaqda u solidarjetà, iżda spiss jibqgħu sempliċiment gruppi ta’ individwi li jirrikonoxxu lil xulxin permezz ta’ interessi komuni jew tħassib karatterizzat minn rabtiet dgħajfa. Barra minn hekk, ħafna drabi fis-social web l-identità tkun imsejsa fuq l-oppożizzjoni fil-konfront tal-persuna l-oħra, li tkun barranija għall-grupp. Wieħed iħares aktar lejn dak li jifred milli lejn dak li jgħaqqad, filwaqt li jagħti lok għas-suspett u għal sfog ta’ kull tip ta’ preġudizzju (etniku, sesswali, reliġjuż u oħrajn). Din it-tendtenza tinkoraġġixxi gruppi li jeskludu d-diversità u li anki fl-ambjent diġitali jappoġġaw individwaliżmu sfrenat, waqt li xi drabi jispiċċaw biex jispiraw mibegħda. Hekk, dik li suppost tkun tieqa fuq id-dinja ssir vetrina li fiha wieħed jesibixxi n-narċiżiżmu personali.

    In-netwerk hu opportunità li twassalna biex ningħaqdu mal-oħrajn, iżda jista’ wkoll issaħħaħ l-awto-iżolament tagħna, għax kapaċi jkun bħal għanqbuta li taqbadna fin-nassa tagħha. Iż-żgħażagħ huma dawk l-aktar esposti biex jilludu ruħhom u jaħsbu li s-social web tista’ tissodisfahom għal kollox fuq livell relazzjonali. Dan qed iġib miegħu l-fenomenu perikoluż ta’ “eremiti soċjali” li jwassal liż-żgħażagħ għar-riskju li jinqatgħu kompletament mis-soċjetà. Din id-dinamika drammatika turi qasma serja fin-nisġa relazzjonali tas-soċjetà, ġerħa li ma nistgħux ninjorawha.

    Din ir-realtà multiformi u perikoluża ġġib magħha diversi kwistjonijiet ta’ natura etika, soċjali, ġuridika, politika, ekonomika, u hi sfida wkoll għall-Knisja. Filwaqt li l-gvernijiet qed ifittxu modi legali biex jirregolaw u jipproteġu l-viżjoni oriġinali ta’ netwerk ħieles, miftuħ u żgur, aħna lkoll għandna l-possibbiltà u r-responsabbiltà li nkattru l-użu pożittiv tiegħu.

    Hi ħaġa ċara li mhux biżżejjed jiżdiedu l-konnessjonijiet biex tikber il-komprensjoni reċiproka. Mela, kif ser nerġgħu nsibu l-identità komunitarja vera filwaqt li nagħrfu r-responsabbiltà li għandna lejn xulxin anki fl-online netwerk?


    “Aħna membri ta’ xulxin”

    Nistgħu nwieġbu billi nagħtu ħarsa lejn it-tielet metafora, dik tal-ġisem u l-membri tiegħu  li San Pawl juża biex jitkellem dwar ir-relazzjoni ta’ reċiproċità bejn il-bnedmin, mibnija fuq organiżmu li jgħaqqadhom. “Warrbu minnkom il-gideb u għidu l-verità wieħed lill-ieħor, għax aħna membri ta’ xulxin” (Efes 4,25). L-Appostlu qed jisħaq li la aħna membri ta’ xulxin, mela jeħtieġ li nwarrbu l-gideb u ngħidu l-verità: l-obbligu li nħarsu l-verità jiġi  mill-ħtieġa li r-relazzjoni ta’ komunjoni ta’ bejnietna ma tkunx gidba. Fil-fatt, il-verità timmanifesta ruħha fil-komunjoni. Min-naħa l-oħra, meta tigdeb tkun qed tiċħad b’mod egoistiku li inti parti mill-ġisem; tkun qed tiċħad li trid tagħti lilek innifsek lill-oħrajn, u hekk tkun qed titlef it-triq waħdanija biex issib lilek innifsek.

    Il-metafora tal-ġisem u l-membri tiegħu twassalna biex nirriflettu fuq l-identità tagħna, li hi bbażata fuq il-komunjoni u fuq il-fatt li l-oħrajn huma differenti minna. Bħala nsara, aħna lkoll membri tal-ġisem wieħed li tiegħu Kristu huwa r-ras. Dan jgħinna biex ma nħarsux lejn l-ieħor bħala xi ħadd li jikkompeti magħna, imma biex, anki jekk hu għadu tagħna, narawh bħala persuna. M’hemmx bżonn ta’ avversarju biex niddefinixxu lilna nfusna, għax il-ħarsa ta’ inklużjoni li jgħallimna Kristu twassalna biex niskopru lill-ieħor b’mod ġdid; narawh bħala parti integranti u meħtieġa biex ikun hemm relazzjoni u biex inkunu qrib xulxin.

     Kapaċità ta’ din ix-xorta biex il-bnedmin jagħrfu lil xulxin u jikkomunikaw bejniethom b’dan il-mod għandha l-għeruq tagħha fil-komunjoni ta’ mħabba li hemm fit-tliet Persuni divini. Alla mhuwiex Solitudni, imma Komunjoni; huwa Mħabba u għalhekk komunikazzjoni, għax l-imħabba tikkomunika dejjem, anzi tikkomunika lilha nnifisha biex tiltaqa’ mal-ieħor. Biex jikkomunika magħna u jagħtina lilu nnifsu, Alla adatta ruħu għal-lingwaġġ tagħna filwaqt li stabbilixxa djalogu veru mal-umanità matul l-istorja (ara Kon. Vatikan II, Dei Verbum, 2).

    Għax maħluqin fuq is-sura u x-xbieha t’ Alla li hu komunjoni u komunikazzjoni tiegħu nnifsu, aħna dejjem inġorru f’qalbna x-xenqa li ngħixu l-komunjoni, li nkunu parti minn komunità. San Bażilju jisħaq: “Ma hemm xejn fin-natura tagħna hekk speċifiku daqs dak li nidħlu f’rabta ma’ xulxin, li nħossu l-bżonn ta’ xulxin” [2].

    Il-kuntest attwali jsejħilna lkoll biex ninvestu fir-relazzjonijiet, biex anki fin-netwerk u permezz tan-netwerk naffermaw il-karattru interpersonali tal-umanità tagħna. U bir-raġun kollu, aħna l-Insara msejħin biex nimmanifestaw dik il-komunjoni li timmarka l-identità tagħna ta’ nies li jemmnu. Fil-fatt, il-fidi stess hi relazzjoni, hi laqgħa, u bil-qawwa tal-imħabba t’Alla aħna nistgħu nikkomunikaw, nilqgħu u nagħrfu li l-persuna l-oħra hi rigal u nwieġbu għal dan ir-rigal.

    Il-komunjoni li tixbaħ lil dik mgħejxa mit-Trinità hija preċiżament dik li tiddistingwi l-persuna mill-individwu. Il-fidi f’Alla li hu Trinità twassalni biex nagħraf li jien għandi bżonn tal-ieħor biex inkun jiena nnifsi. Inkun tassew uman, tassew personali, biss meta nirrelata mal-oħrajn. Fil-fatt it-terminu “persuna” jfisser l-essri uman bħala “wiċċ”, li jitfa’ ħarstu fuq l-oħrajn, li jinvolvi ruħu mal-oħrajn. Il-ħajja tagħna ssir dejjem aktar umana daqskemm ma tibqax  individwali imma ssir aktar personali. F’din il-mixja awtentika li fiha l-bniedem isir dejjem aktar bniedem, naraw li minn individwu li jħares lejn l-ieħor bħala xi ħadd rivali għalih, isir persuna li jagħraf lill-ieħor bħala sieħeb fi vjaġġ. 


    Minn “like” għal ’“ammen”

    L-immaġni tal-ġisem u l-membri tfakkarna li l-użu tas-social web jikkompleta l-encounter li jsir permezz tal-ġisem, tal-qalb, tal-għajnejn, tal-ħars, tan-nifs tal-ieħor. Jekk in-netwerk jintuża bħala estensjoni jew bħala stennija għal laqgħa ta’ din ix-xorta, allura l-kunċett tan-netwerk ma jkunx  ittradut u jibqa’ riżorsa ta’ komunjoni. Jekk il-membri ta’ familja jużaw in-netwerk biex  ikunu aktar magħquda bejniethom u biex meta jiltaqgħu għall-ikel ikunu jistgħu jħarsu f’għajnejn xulxin, allura n-netwerk ikun riżorsa. Jekk komunità ekkjeżjali tikkordina l-attivitajiet tagħha permezz tan-netwerk, biex imbagħad tiċċelebra l-Ewkaristija flimkien, allura n-netwerk ikun riżorsa. Jekk in-netwerk ikun okkażjoni  biex inkunu aktar qrib ta’ stejjer u esperjenzi sbieħ jew ta’ tbatija li huma ‘l bogħod minna, biex nitolbu u flimkien infittxu l-ġid ħalli nerġgħu niskopru dak li jgħaqqadna, alllura jkun riżorsa.  

    Hekk nistgħu ngħaddu mid-djanjosi għat-terapija: niftħu t-triq għad-djalogu, għall-encounter, għat-tbissima, għall-espressjonijiet ta’ tenerezza.... Dan hu n-netwerk li rridu, mhux dak li jaqbadna f’nassa, imma dak li jeħlisna,  li jieħu ħsieb komunjoni ta’ persuni ħielsa. Il-Knisja stess hi netwerk minsuġa mill-komunjoni ewkaristika, fejn l-għaqda mhijiex ibbażata fuq  numru ta’  “likes” , imma fuq il-verità, fuq “l-ammen” li permezz tagħha kull wieħed  jaderixxi għall-Ġisem ta’ Kristu u jilqa’ lill-oħrajn.

    Mill-Vatikan, 24 ta’ Jannar 2019, Tifkira  ta’ San Franġisk ta’ Sales.

    Franciscus
     


    [1]  Osservatorju Internazzjonali għall-prevenzjoni tas-cyberbullying  li ser ikollu  l-headquarters tiegħu  fil-Vatikan.

    [2] Regole ampie, III, 1: PG 31, 917°;ara Benedetto XVIMessaġġ għall-43 Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali (2009).


    Sors: Laikos