• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna


  • Il-Knisja taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, Raħal Ġdid

    7 ta’ Ġunju 2019

    Jiena u naqra l-aħħar riċerka li saret fuq dan il-jum li qegħdin nikkommemoraw illum li ġara mitt sena ilu, irrealizzajt li tħares fejn tħares lejn il-ġrajja tas-Sette Giugno, tifhem li hija traġedja totali.


    Id-dover tal-Maltin

    Aħna llum m’għandniex għalfejn nifirħu imma għandna d-dover nikkommemoraw; għandna d-dover li ma ninsewx anke għaliex ċertu kundizzjonijiet li wasslu għal dak li ġara fil-Belt fis-7 u fit-8 ta’ Ġunju 1919, jistgħu jerġgħu jirrepetu lilhom infushom. Ilum mhu se jkollna lil ħadd f’min inwaħħlu. Mitt sena ilu kienet faċli għalina l-Maltin li nwaħħlu kollox fuq l-Ingliżi u fuq l-imperu. Illum, mitt sena, b’rajna f’idejna, b’awtonomija u sovranità kif jistħoqqilna fl-istituzzjonijiet tagħna,  ir-responsabbiltà taqa’ totalment fuqna u fuq spallejna. Jekk mitt sena ilu stajna nqattgħu l-bandiera Ingliża, bandiera li aħna ma nirrikonoxxux lilna nfusna fiha, illum meta nħarsu lejn il-bandiera Maltija, nifhmu r-responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minna biex ikollna soċjetà ġusta.  

    Aħna llum m’għandniex għalfejn nifirħu imma għandna d-dover nikkommemoraw; għandna d-dover li ma ninsewx

    Fl-Evanġelju skont San Ġwann li għadna kemm qrajna, Ġesù juża t-tema tal-ħobż. Jinsisti dwar min, u ġustament, jitħabat għall-ħobż ta’ din id-dinja, imma jippreżenta lilu nnifsu wkoll bħala l-ħobż tal-ħajja. Is-sinjur tagħna Ġesù Kristu, elfejn sena ilu kien jifhem l-importanza ta’ dan l-element tradizzjonali anke għalina l-Maltin; element li dejjem kien parti mill-kultura tagħna u li l-Maltin dejjem kienu jgħożżu bħala l-miżura tal-benesseri tagħhom.

    Mitt sena ilu l-Maltin bil-ġuħ ma ħabtux għall-istituzzjonijiet tal-imperu imma għall-Maltin li huma kienu jissusspettaw li saru sinjuri fuq ġild il-poplu. Fil-fatt, apparti l-Union Club, il-proprjetà li tkissret kienet tal-Maltin. Kienu dawk li kellhom il-magni tat-dqiq li saru sinjuri minn fuq ġild il-poplu. Din il-kompliċità tagħna l-Maltin stess fit-traġedja tas-Sette Giugno ma nistgħux ninsewha għaliex jista’ jkun li aħna nirrepetu t-traġedja ta’ soċjetà li fiha hemm distinzjoni qawwija wisq bejn min għandu ħafna u li ġeneralment ikun ftit, u l-ħafna li għandhom ftit.


    Impenn biex l-istorja ma tirrepetix ruħha

    Mitt sena ilu wkoll kien hemm il-problema tal-għoli tal-ħajja, kien hemm il-problema tal-għoli tal-kirja, u kien hemm il-problema tal-ġuħ f’ċerti oqsma tas-soċjetà. Illum m’għandna lil ħadd f’min inwaħħlu ħlief fina nfusna jekk terġa’ tiġi s-sitwazzjoni ta’ tensjoni soċjali. Allura, anke b’tifkira solenni ta’ dawn l-erba’ rġiel żgħażagħ li mietu traġikament, tlieta fis-Sette Giugno u Karmnu Abela ferut graviment fit-8 ta’ Ġunju u miet ġranet wara, jekk illum aħna rridu tassew infakkru l-memorja tagħhom irridu nimpenjaw ruħna għal soċjetà iżjed ġusta.

    Illum m’għandna lil ħadd f’min inwaħħlu ħlief fina nfusna jekk terġa’ tiġi s-sitwazzjoni ta’ tensjoni soċjali.

    Jiena nħoss li d-deċiżjoni imperjali li diġà tagħtina l-Kostituzzjoni setgħet ġiet, biex ngħidu hekk mgħaġġla f’dak li ġara. Imma llum, iżjed milli niftakru fil-progress kostituzzjonali ta’ pajjiżna, irridu niftakru li l-Kostituzzjoni hija biċċa karta. Jekk ma jkunx hemm volontà politika li nħarsuha u nwettquha, il-Kostituzzjoni ssir sempliċement sħab u thewdin fil-vojt jekk aħna ma nimxux fuq l-ispirtu tagħha ta’ rispett lejn id-dinjità ta’ kull bniedem, ir-rispett lejn id-drittijiet fundamentali ta’ kull bniedem u fuq kollox ir-responsabbiltà ta’ kull min qiegħed fil-gvern.      

    Aħna llum infakkru li dawn l-erba’ żgħażagħ li meta taqra l-istorja tagħhom ma tistax ma tingħasarx qalbek. Nieħdu b’eżempju l-każ traġiku tal-Għawdxi Ġużeppi Bajada li kellu jsiefer fit-8 ta’ Ġunju u kien Malta għax kien lest biex isalpa lura l-Kanada. Ġużeppi kien diġà jgħix il-Kanada u ġie Malta għax missieru miet ta’ 60 sena. Ommu kienet ilha mejta u b’kollox kienu seba’ aħwa. Missieru ħa ħsieb sitt itfal imma miet f’qasir il-għomor u Ġużeppi reġa’ ġie mill-Kanada u mbagħad iddeċieda li jirritorna. Kellu kollox lest biex isalpa fit-8 ta’ Ġunju. Ġużeppi huwa wieħed minn dawk il-Maltin li fittxew ħajja aħjar f’pajjiż ieħor matul is-seklu 20 bħalma għamlu ħafna mill-qraba tagħna, u kultant il-ġenituri tagħna stess, li għamlu esperjenza ta’ emigrazzjoni, u mbagħad reġgħu rritornaw lejn pajjiżna. It-traġedja ta’ dan ir-raġel li kien fi Strada Forni hi li beda jxejjer biex in-nies jikkalmaw u sparawlu! 

    Hemm ukoll it-traġedja ta’ Karmnu Abela li kien qed ifittex lil ibnu li fit-8 ta’ Ġunju ħaseb u kien qiegħed jinkwieta li huwa parti mill-ġgajta li kissret d-dar ta’ Francia. U għaliex irreżista l-arrest, Karmnu jaqla’ daqqa ta’ bajunetta li mbagħad bagħtitu għand Alla fl-14 ta Ġunju. Meta tara ċ-ċirkustanzi tal-mewt ta’ dawn ħutna l-Maltin, qalbek tingħasar bit-traġedja totali ta’ dan l-avveniment li aħna qegħdin nikkommemoraw.

    Kien hemm kompliċità tas-soċjeta kollha, inkluż tal-kleru; kien hemm kleru li qagħad iħares imma kien hemm kleru wkoll li kkalma n-nies. B’mod speċjali nixtieq insemmi lil Mons. De Piro u lil Mons. Dandria li kienu mal-poplu u ma kinux gallerija. Kien hemm politiċi li qagħdu gallarija u kien hemm politiċi li kienu mal-poplu. Għaliex meta f’ħin minnhom dawk tal-Assemblea Nazzjonali raw li tbattlet, kulħadd mar id-dar, barra dawk il-ftit li qagħdu mal-poplu.


    Impenn għall-verità, il-ġustizzja soċjali u s-solidarjetà

    Meta nħarsu sew lejn dak li ġara, il-pulizija—li wkoll kellhom l-ilmenti tagħhom, kienu ilhom ħafna ma jieħdu ż-żieda u huma wkoll kienu qed ibatu l-ġuħ—f’ċerti mumenti qagħdu jħarsu imma ma kellhomx lanqas lembubi biex jiddefendu lilhom infushom. Meta tara l-fatti li aħna qed nikkomemnoraw u meta tara l-kompliċità tal-livelli kollha tas-soċjetà, jiena nistaqsi lill-kuxjenza ta’ Malta llum: għaliex erba’ ħaddiema biss kienu vittmi? Din trid tkun ukoll mistoqsija għalina li rridu nkomplu nagħmlu. Għaliex il-fqir u ċ-ċkejken irid dejjem iħallas l-ogħla prezz? Għalhekk, il-kelma tagħna trid tkun impenn solenni għall-verità, għall-ġustizzja soċjali u għas-solidarjetà.

    Għaliex il-fqir u ċ-ċkejken irid dejjem iħallas l-ogħla prezz?

    Aħna wkoll għandna nikkomemoraw il-fatt li sfortunatament aħna sirna l-aggressuri. X’se ngħidu lill-familja ta’ Cisse li kien fostna jfittex ħajja aħjar u qtilnih ftit tax-xhur ilu?  Issa aħna sirna l-aggressuri? Aħna u nfakkru l-vittmi tagħna nitolbu li ma nkunux aħna li noħolqu vittmi bl-inġustizzja u bl-odju ta’ bejnietna. Dan għandu jkun l-impenn solenni tas-Sette Giugno fis-sena ċentinarja.

     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta      

     

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Atti 10 34-43
    Salm: 115 5-6, 10-11, 1-16aċ
    Evanġelju: Ġw 6 25-40