The Secret Life of Pets 2

  • ****

    Direttur:          Chris Renaud

    Ilħna:               Patton Oswalt, Eric Stonestreet, Kevin Hart, Jenny Slate, Tiffany Haddish, Lake Bell, Nick Kroll, Dana Carvey, Elllie Kemper, Chris Raunad u Hannibal Buress

    Ħin tal-Film:    92 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 U

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      U

    Film Amerikan, animat komputerizzat u kummiedja ħelwa taħt id-direzzjoni ta’ Chris Renaud u kitba ta’ Brian Lynch. L-ewwel film li kien ħareġ fl-2016: The Secret Life of Pets kien għamel suċċess kbir tant li kien daħħal madwar $875 mad-dinja kollha. Il-film: The Secret Life of Pets 2, jesplora l-ħajja emozzjonali tal-pets li ħafna nies irabbu fid-djar tagħhom b’għożża kbira. Il-film ukoll iwieġeb mistoqsija li ħafna jsaqqsu: Xi jkunu qegħdin jagħmlu l-pets tagħna meta aħna nkunu barra minn djarna?  

    Il-film ilaqqagħana ma’ numru minn dawn il-pets li konna iltqajna magħhom fl-ewwel film. Fost dawn insibu lil Max, li hu Jack Russel Terrier; sieħbu Duke, kelb kbir kannella, Newfoundland mix u li jgħix ma’ Max; Snowball, fenek abjad; Gidget, Pomeranian bajda li hi l-ħabiba tal-qalb ta’ Max;  Daisy, Shih Tzu; Chloe, qattus oħxon griż li ma tantx iħobb jiċċaqlaq minn postu u Pops, Basset Hound imdaħħal fi żmien u li sfortunatament hu pparaliżżat miż-żewġ saqajn ta’ wara.

    L-istorja tibda hekk kif Katie li kienet trabbi lil Max u lil Duke tiżżewweġ u jkollha tifel Liam. Dan il-fatt iġib bidliet kbar għal Katie, iżda wkoll joffri sfidi serji lil Max li jibda jkun wisq protettiv għat-tifel Liam. Jibda jara periklu kull fejn ikun u kull fejn iħares. Fuq vaganza, barra fil-kampanja, f’razzett tal-familja, Katie tiddeċiedi li tieħu l-familja kollha, b’Liam u żewġt iklieb għal ftit jiem ta’ mistrieħ. Hawn, il-qagħda ta’ Max tinbidel xi ftit għaliex isib lil Rooster, il-kelb Welsh Sheepdog, li kien jgħix fir-razzett, itih xi ftit pariri biex ma joqgħodx jinkwieta fuq xejn. Minbanda l-oħra, Gidget, il-ħabiba tal-qalb ta’ Max tagħmel ħilitha biex isalva l-iktar ġugarrell li kien għal qalb Max. Dan il-ġugarrell sab ruħu ġewwa appartament mimli qtates. Sadanittant, Snowball ukoll sab ruħu f’missjoni delikata u diffiċli ħafna biex isalva tigra żgħira bajda, bl-isem ta’ Hu, milli tispiċċa fiċ-ċirku mmexxi minn-nies krudili. Tgħid jirnexxielhom, Gidget u Snowball iwettqu l-missjoni li daħlu fiha b’suċċess?

    Film ħelu ħafna bi storja tajba u li għandu jogħġob lit-tfal kif ukoll lill-kbar li jħobbu dawn it-tip ta’ films animati.