Il-ħajja ta' Alla fina - L-Isqof Awżiljarju f'Corpus

Quddiesa fil-festa ta' Corpus Christi

  • L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi


  • Knisja Parrokkjali ta' San Pawl, ir-Rabat

    23 ta' Ġunju 2019


    Kien il-Papa Urbanu IV li fl-1264 li waqqaf il-festa ta’ Corpus Christi u ried li tkun iċċelebrata b’solennità mal-Knisja fid-dinja kollha. Id-dokument li ħareġ dak inhar (bl-isem Transiturus de hoc mundo)  jispjega b’mod tajjeb ħafna x’kienet ir-raġuni għal din il-festa.

    Papa Urbanu ried li l-festa tgħin biex tissaħħaħ il-fidi fil-preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija. Waqt il-quddiesa, bil-qawwa ta’ Alla l-ħobż u l-inbid isiru l-ġisem u d-demm ta’ Ġesù. L-istess kliem li ngħadu minn Ġesù fl-Aħħar Ċena huma l-kliem li jgħid is-saċerdot fil-mument tal-konsagrazzjoni. Għandna għalhekk fl-Ewkaristija l-preżenza reali ta’ Ġesù.

    Nixtieq li nirriflettu fuq żewġ punti li jsemmi Papa Urbanu f’dan id-dokument tal-bidu tal-festa ta’ Corpus Christi


    Tifkira

    Papa Urbanu jgħid li l-Ewkaristija hi t-tifkira tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Kien Ġesù nnifsu li fl-Aħħar Ċena qal lit-tnax: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”.

    Il-Papa jispjega l-kelma ‘tifkira’. Wieħed irid jagħmel distinzjoni bejn tifkira li tfakkar xi persuna jew ġrajja u l-Ewkaristija. Per eżempju, meta aħna jkollna statwa ta’ qaddis, din isservi biex tfakkarna f’dak il-qaddis. Meta nħarsu lejn l-istatwa, niftakru fih u f’moħħna u f’qalbna tiġina t-tifkira tiegħu. L-Ewkaristija hi differenti: m’hijiex tifkira fl-istess sens ta’ statwa. Hi tifkira li terġa’ tagħmel preżenti b’mod sagramentali l-ġrajja tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Għalhekk għandna l-preżenza reali ta’ Ġesù, mhux xi ħaġa li tfakkarna f’din il-preżenza reali. Hu sewwasew dak li qal Ġesù: “Jien magħkom dejjem sal-aħħar taż-żminijiet”.

    Hi importanti t-tifkira għax tgħinna nerġgħu ngħixu l-imħabba kbira ta’ Alla li naraw fil-ġrajja tal-Għid. Fil-ħajja li ngħixu llum, meta ħaġa ġdida tnessi lil ta’ qabilha u tieħu postha, għandna bżonn li nieqfu mill-pass mgħaġġel tal-ħajja biex ngħixu t-tifkira ta’ din l-imħabba ta’ Alla.


    Ikel

    Fl-Evanġelju nsibu lil Ġesù li jagħmel enfasi speċjali fuq l-Ewkaristija bħala ikel. Hu jgħid: “Ġismi hu ikel tassew u demmi hu xorb tassew…Min jiekol ġismu u jixrob demmi jkollu l-ħajja ta’ dejjem”.

    Papa Urbanu jispjega kif l-Ewkaristija hija l-ikel li jsostnina fil-ħajja spiritwali tagħna. Hi l-ħajja ta’ Alla fina. Bħalma għandna bżonn l-ikel biex nistgħu ngħixu, għandna bżonn l-Ewkaristija biex  nistgħu ngħixu l-ħajja ta’ dixxipli ta’ Ġesù. Il-Papa jispjega d-differenza bejn l-ikel li nieklu biex inkunu b’saħħitna f’ġisimna u l-Ewkaristija. Hu jgħid li filwaqt li meta nieklu, aħna nibdlu l-ikel fina, bis-saħħa tal-Ewkaristija ninbidlu fih, jiġifieri f’Ġesù. Mhux aħna nibdluh fina imma Hu jibdilna fih, dejjem jekk aħna nħalluh jibdilna.

    L-Ewkaristija m’hijiex l-ikel tan-nies perfetti, imma ta’ dawk li huma midinbin imma jridu li Alla jippurifikahom ħalli jkunu jistgħu jilqgħuh f’qalbhom.

    Dan l-ikel isostnina biex nistgħu ngħixu tassew il-kelma li jgħidilna Ġesù. Hu permezz ta’ dan l-ikel li niksbu l-qawwa li għandna bżonn. L-Ewkaristija tgħinna biex inkunu nies li nħobbu tassew bħalma għallimna Ġesù, biex naħfru lil min jagħmlilna l-ħsara, biex inkunu qaddejja bħalma uriena Ġesù f’ħajtu kollha u b’mod speċjali dak inhar li waqqaf l-Ewkaristija. Għandna bżonn nieklu dan l-ikel li jista’ jsostnina.


    L-għaqda mal-ħajja ta’ kuljum

    L-Ewkaristija għandha tibdel lil ħajjitna għall-aħjar. L-iskop ta’ dak li niċċelebraw fil-quddiesa hu sewwasew li nkunu nistgħu ngħixuh fil-ħajja ta’ kuljum. L-Ewkaristija, li permezz tagħha nieħdu sehem fil-ħajja ta’ Alla, tgħaqqadna flimkien bħala l-familja tiegħu, u tgħinna nkunu strumenti ta’ paċi u għaqda. Aħna u nieħdu sehem fil-ħajja ta’ Alla, l-Ewkaristija tagħtina l-qawwa li nkunu dawk li nipproteġu l-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha.

    Tkun tistona ħafna l-parteċipazzjoni tagħna fl-Ewkaristija jekk imbagħad ħajjitna tkun tagħti messaġġ il-kontra ta’ dak li niċċelebraw, bħal meta nġibu l-firda, niżirgħu l-mibegħda jew inweġġgħu lin-nies bi kliemna.

    Kultant tisma’ min jgħid: ‘Jekk inti tiġi tieħu sehem fl-Ewkaristija u mbagħad toħroġ barra tgħid kontra n-nies, aħjar ma tiġi xejn’. Jien ngħidha l-kontra: jekk int qed tagħmel xi ħaġa tajba, i.e. li tieħu sehem fl-Ewkaristija, u xi ħaġa ħażina, i.e. li tgħid kontra n-nies, dak li għandek tneħħi mhux dak li hu tajjeb imma dak li  hu ħażin. Is-soluzzjoni m’hijiex li ma tibqax tiġi l-knisja, u tieqaf milli tieħu sehem fl-Ewkaristija, imma li tiġi u titlob b’mod ħerqan lil Alla biex jippurifikak ħalli tkun tista’ tgħix tassew dak li tiċċelebra hawn.

    Papa Urbanu jgħid li l-festa ta’ Corpus hi festa li aħna niċċelebraw b’ferħ kbir. Aħna u niċċelebraw illum din il-festa għażiża tal-Ġisem u d-Demm imqaddes ta’ Ġesù, nitolbu lill-Mulej il-grazzja li fl-Ewkaristija ngħixu t-tifkira tal-aqwa mħabba, insibu l-ikel li jsostnina f’ħajjitna u dan jagħtina l-qawwa biex ngħixu tassew bħala dixxipli ta’ Ġesù.


    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju