L-Evanġelju tal-jum: 10 ta' Lulju

  • Qari tal-jum
  • L-Ewwel Qari: Ġen 41, 55-57; 42, 5-7a. 17-24a
    Salm: 32 (33), 2-3.10-11.18-19

    L-Evanġelju: Mt 10, 1-7

  • F’dak iż-żmien, Ġesù sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu.

    L-ismijiet tat-tnax-l appostlu huma dawn: l-ewwel Xmun, jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, u Ġakbu ta’ Żebedew, u ħuh Ġwanni, Filippu u Bartilmew, Tumas u Mattew il-pubblikan, Ġakbu ta’ Alfew, u Taddew, Xmun il-Kanani, u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh.

    Lil dawn it-tnax Ġesù bagħathom b’dawn l-ordnijiet: “Taqbdux triq il-pagani, u tidħlux f’belt tas-Samaritani; imma qabel xejn morru fittxu n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael. Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet”.