• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna


  • Il-Kolleġġjata ta’ San Pawl, ir-Rabat

    7 ta’ Lulju 2019

    F’Kapitlu 9 tal-Atti tal-Appostli San Luqa jirrakkontalna l-esperjenza tal-konverżjoni ta’ Sawlu, l-Appostlu Missierna Pawlu. Għandna erba’ verżjonijiet ta’ din l-esperjenza li tlieta minnhom huma f’dan il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli (Kap 9, kap 22 u Kap 26). Fl-Ewwel Qari smajna t-tieni waħda meta jirrakkontaha Pawlu stess, u fl-ittra lill-Galatin, Kapitlu 1, Pawlu jerġa’ jagħti l-istess esperjenza.

    Fl-ewwel verżjoni, dik ta’ Kapitlu 9, hemm djalogu bejn Ġesù u Ħananija. Ħananija kien dixxiplu li kien jgħix f’Damasku, waħda mill-iżjed bliet antiki fiċ-ċiviltà umana. Dan issejjaħ mill-Mulej biex jiltaqa’ ma’ Pawlu, li dak iż-żmien kien agħma wara l-esperjenza u l-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù, biex jintroduċih għall-Magħmudija. U l-Mulej jgħidlu: “Mur għax dan ir-raġel huwa għodda magħżula minni biex iwassal ismi quddiem il-ġnus u s-slaten u quddiem ulied Iżrael. Jiena stess għad nurih kemm irid ibati minħabba f’ismi” (Atti 9, 15-16).

    Għażilt li nibda b’dan id-djalogu bejn Ġesù u Ħananija u bil-kliem ta’ Ġesù għaliex aħna qegħdin hawn propju biex nagħtu konferma lill-profezija tal-Imgħallem: li meta jagħżel u jħares lejn Sawlu, il-persekutur, jifhem li qed jagħżel mgħallem u li tefa’ għajnejh fuq għodda magħżula.


    It-tbatija ta’ Pawlu

    Fil-verżjoni li qrajna, Pawlu jsejjaħ lilu nnifsu bħala ‘xhud ta’ Ġesù’ u jgħid li l-missjoni tiegħu hija li jixhed. Bil-Grieg il-kelma ‘xhud’ hija martus minn fejn ġejja l-kelma martri. Il-martri ta’ Kristu huwa xhud ta’ Kristu u mhux xhud fil-mewt, imma fil-missjoni tiegħu, inkluż ukoll fil-mewt. It-tbatija li jsemmi Ġesù mhijiex biss it-tbatija tal-mewt imma hija t-tbatija li d-dixxiplu jrid jgħaddi minnha jekk irid ikun tassew xhud ta’ Ġesù.

    Nistgħu ngħidu li fid-dixxiplu magħżul, fl-għodda magħżula tal-Mulej, isseħħ il-profezija li saret fuq Ġesù stess meta kien tarbija ta’ 40 jum. Xmun, is-saċerdot fit-tempju, ħa t-tarbija Ġesù f’dirgħajh u sejjaħlu bit-titli sbieħ ta’ ‘Salvatur ta’ Iżrael’: “Għajnejja raw is-salvazzjoni ta’ Iżrael, dawl għall-ġnus, glorja” (Lq 2:30) imma lil ommu jgħidilha wkoll: “Dan għad ikun sinjal li jmeruh” (Lq 2:34) signum contradictionis. U Ġesù f’ħajtu kien sinjal li aħna l-bnedmin merejnieh kemm-il darba. Hija parti mill-missjoni tal-Imgħallem li fil-konfront mal-libertà tal-bniedem, isir sinjal li jmeruh. Forsi hi inevitabbli għaliex aħna l-bnedmin għandna libertà diffetuża, limitata, mhijiex lixxa għal kollox minħabba d-dnub tagħna, l-egoiżmu tagħna. U meta Alla jistedinna għal-libertà vera ninqarsu u r-reazzjoni tagħna kultant tkun aggressiva u min jiġi jgħidlek xi ħaġa għall-ġid kultant tieħdu fuq demm id-dars. Allura l-profeta, li jrid iwassal il-kelma mhux tiegħu u lanqas qiegħed biex jingħoġob imma jwassal il-Kelma ta’ Alla, irid jidra jkun sinjal li jmeruh.    

    Pawlu din għexha u hu stess jitkellem fuq it-tbatija li kellu jġarrab: “B’għajb għalija ngħidu, li minn daqshekk aħna konna nies bħal ħila ta’ xejn. Imma—biex nitkellem ta’ iblah—dak li ħaddieħor jagħmel wiċċu, nagħmel wiċċi jiena wkoll” (2 Kor 11:21). Qed jgħid għall-avversarji tiegħu għax appena ġie kkonvertit, ippruvaw joqtluh. Damasku nafuha bħala l-belt li fiha l-Appostlu Missierna tgħammed u fejn bis-Sagrament tal-Magħmudija, Ġesù ħafirlu dnubietu kollha u li bil-kelma ta’ Ħananija ngħata l-missjoni li jkun xhud ta’ Kristu. Imma Damasku kienet il-belt ukoll li minħabba r-rabja tal-Lhud kellu jiddendel f’basket mis-swar tal-belt  biex jeħilsuh mill-mewt. Damasku għal Pawlu hija belt għażiża, il-belt tal-Magħmudija tiegħu, imma wkoll il-bidu tal-persekuzzjoni li kellu jgħaddi minnha.

    “Huma Lhud? Jiena wkoll. Huma Iżraelin? Jiena wkoll. Huma nisel Abraham? Jiena wkoll. Huma ministri ta’ Kristu? Jiena – ħa nitkellem ta’ iblah! – jiena aktar minnhom. Ħafna aktar minnhom fit-taħbit, ħafna aktar minnhom fil-ħabsijiet” (2 Kor 11, 22-23). San Pawl kien espert tal-ħabsijiet, darhom kollha bħala ħabsi. “Aktar u aktar minnhom fis-swat”. Kemm-il darba tawh id-39 jew l-40 nieqes waħda, 39 daqqa. “Bosta drabi sibt ruħi wiċċ imb wiċċ mal-mewt. Ħames darbiet qlajt,” qed jgħidha hu stess, “min għand il-Lhud l-40 daqqa neqsin waħda” jiġifieri dahru kien flaġell. “Tliet darbiet tawni s-swat bil-virgi, darb’oħra ħaġġruni. Tliet darbiet rajt l-għarqa; għaddejt lejl u jum f’nofs ta’ baħar. Għamilt safar bla għadd; sibt ruħi f’perikli ta’ xmajjar, perikli mill-ħallelin, perikli min-nies ta’ ġensi, perikli mill-pagani, perikli fl-ibliet, perikli fid-deżert, perikli fil-baħar” (2 Kor 11: 23-26). Imma t-tbatija ma tiġix minn barra biss, l-agħar meta tiġi minn ġewwa: “perikli mill-aħwa qarrieqa, taħbit u xogħol iebes; kemm-il darba kelli ngħaddi sahriet bla rqad, bil-ġuħ u  bil-għatx; kemm-il darba kelli ngħaddi fis-sawm, fil-ksieħ u fl-għera! U biex ma nsemmix ħwejjeġ oħra, dak il-ħafna ġej u sejjer tan-nies ta’ kuljum għandi u l-ħsieb tal-knejjes kollha! Min hu marid u m’iniex marid miegħu jien? Min hu dak li jsib min ifixklu, u jien ma nħossnix imbaqbaq?” (2 Kor 11: 26-29). Hu jgħid xi ħaġa li għandha tagħmlilna kuraġġ: “Jekk għandi niftaħar, niftaħar b’dak li hu dgħajjef fija. Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu – li hu mbierek għal dejjem – jaf li m’iniex nigdeb. Meta kont f’Damasku l-gvernatur tas-Sultan Areta qiegħed l-għases mal-belt ta’ Damasku biex jaqbduni iżda niżżluni ġo qoffa minn tieqa fil-ħitan tal-belt u ħrabt minn taħt idejh” (2 Kor 11, 30-33).     

    Fl-2008 kelli x-xorti mmur, minħabba x-xogħol, Damasku u lill-Patrijarka Melkita tlabtu biex inżuru ftit l-postijiet għeżież għat-tikira ta’ San Pawl. Morna fid-dar ta’ Ħananija imma llum trid tinżel għaliex il-livell tal-belt tant għola li l-affarijiet ta’ elfejn sena ilu qegħdin f’livell iżjed ’l isfel, u kellna x-xorti nqaddsu fil-post fejn tgħammed l-Appostlu Missierna. Illum ma nafx jekk tistax tgawdi din il-possibbiltà. Jalla u nitolbu ħafna għas-Sirja u għal Damasku, biex jerġa’ jkun hemm ftit stabbiltà. Imma kien mument kommoventi wkoll meta morna fi knisja żgħira fuq is-swar antiki tal-belt, li tfakkar propju dak li għadu kemm qalilna l-Appostlu Missierna meta niżżluh mis-sur f’din il-qoffa kbira. Ikkommovejt ruħi għax f’din il-kappella hemm diversi episodji mill-ħajja ta’ San Pawl u fosthom hemm mużajk iddedikat lin-nawfraġju tiegħu fostna u l-fejqan ta’ Publiju.  

    Meta tmur f’dawn il-postijiet għeżież tirrealizza x’xorti għandna li qegħdin niċċelebraw l-Ewkaristija hawnhekk f’dan il-post li l-appostlu missu bil-ħajja tiegħu għal tliet xhur, bil-kelma tiegħu. Hawnhekk ġiet iċċelebrata għall-ewwel darba l-Kelma ta’ Alla; hawnhekk ġiet iċċelebrata għall-ewwel darba l-Ewkaristija. X’aktarx hawnhekk komplew jiġu l-Maltin u nimmaġina l-Għawdxin ukoll bil-mard tagħhom għaliex aħna l-kelma malajr iddur. San Luqa jgħidilna: “Ġabu l-morda kollha tagħhom u fejjaqhom” (Atti 28:9). Minn hawnhekk ħarġet din ix-xmara ta’ grazzja u fejqan; minn hawnhekk bdejna niċċelebraw il-misteri tal-fidi.


    Il-ħsieb tal-Papa Benedittu XVI   

    Qegħdin niċċelebraw, bir-raġun, il-martirju tiegħu. Imma x’awtorità għandna fit-tradizzjoni tal-Knisja biex ikollna għarfien sod fuq x’ġara lil Pawlu? Nissuġġerilkom biex meta jkollkom ċans taqraw meditazzjoni sabiħa li offra l-Papa Benedittu XVI fl-4 ta’ Frar tal-2009 meta fit-tmiem ta’ 20 katekeżi fuq San Pawl iddedika l-aħħar waħda fuq il-martirju tal-Appostlu Missierna, proprju fuq it-titular ta’ din il-festa tagħna. Benedittu, li sa issa huwa l-aħħar Papa li żar din il-parroċċa u l-grotta qaddisa, jgħid hekk: “Illum nixtiequ nitkellmu fuq it-tmiem tal-ħajja ta’ San Pawl fuq din l-art. It-tradizzjoni Nisranija sa mill-qedem tagħti xhieda unanima li l-mewt ta’ Pawlu seħħet f’konsegwenza tal-martirju li ġarrab hawn Ruma. Il-kotba tat-Testment il-Ġdid ma jsemmuhx dan il-fatt. L-Atti tal-Appostli jagħlqu r-rakkont taghhom b’aċċenn għall-appostlu fil-ħabs li xorta waħda seta’ jilqa’ għandu lil dawk li kienu jmorru jżuruh. Biss fit-tieni ittra lil Timotju,” li qrajnieha propju fit-Tieni Qari tal-lum, “insibu dawn il-kelmiet profetiċi tiegħu: ‘Ngħid għalija demmi ġa mxerred b’sagrifiċċju u żmien it-tluq tiegħi wasal’” (2 Tim 4:6).

    Il-Papa jagħmel din l-osservazzjoni interessanti ħafna: “Hawn jintużaw dawn iż-żewġ xbihat: dik kultwali tas-sagrifiċċju”. Mela l-ewwel osservazzjoni tal-Papa hi li l-martirju tal-Appostlu Missierna huwa proprju li Pawlu joffri lilu nnifsu b’sagrifiċċju: “demmi ġa mxerred b’sagrifiċċju”. Pawlu kien diġà nqeda b’din ix-xbieha tas-sagrifiċċju fl-Ittra lill-Filippini meta interpreta l-martirju bħala parti mis-sagrifiċċju ta’ Kristu. It-tieni xbieha hija meħuda mill-baħar, xbieha tal-baħħara u anke tas-sajjieda: “Żmien it-tluq tiegħi wasal”. Għax bil-Grieg oriġinali dik tfisser li tħoll l-irbit minn mal-moll għat-tluq, ħa nsalpa. Meta Pawlu jitkellem fuq il-mewt tiegħu, juża dawn ix-xbihat: is-sagrifiċċju u li qisu vapur ħa jsalpa biex jibda l-mixja, it-tbaħħir u l-vjaġġ tiegħu.  “Żewġ xbihat,” jgħid il-Papa Benedittu, “li flimkien b’mod diskret jalludu għall-ġrajja tal-mewt u ta’ mewt imdemmija”.     

    L-ewwel xhieda espliċita fuq it-tmiem ta’ ħajjet San Pawl diġà tasal għandna sa min-nofs is-snin 90 tal-ewwel seklu, qed ngħidu 30 sena wara. Pawlu x’aktarx miet bejn is-sena 64 wara l-ħruq ta’ Ruma minn Neruni u Neruni miet fis-sena 68. It-tradizzjoni kostanti hija li Pawlu, bħal Pietru, miet b’ordni tal-Impertur Neruni. “Qed nitkellmu sewwasew fuq ittra li l-Knisja ta’ Ruma bl-Isqof tagħha Klement, kitbet lill-Knisja ta’ Korintu, l-istess knisja li lilha Pawlu kien tkellem dwar it-tbatijiet tiegħu. Dak it-test jistedinhom biex iżommu quddiem għajnejhom l-eżempju tal-appostli. U dritt wara li jsemmi l-martirju ta’ Pietru, għax dawn it-tnejn ma jifridhom ħadd, naqraw hekk: ‘Minħabba fl-għira u fit-tilwim Pawlu ħass li kellu jurina kif għandna nikbsu l-premju tas-sabar.  Arrestat seba’ darbiet, eżiljat, imħaġġar, kien il-ħabbar ta’ Kristu fi-Lvant u fil-Punent u għall-fidi tiegħu kiseb l-akbar glorja. Wara li pprietka l-ġustizzja lid-dinja kollha u wara li wasal sa truf il-Punent, ġarrab il-martirju quddiem il-kapijiet. Hekk telaq minn din id-dinja u wasal fil-post il-qaddis u b’hekk sar l-akbar xempju ta’ sabar’. Is-sabar li fuqu jitkellem it-test huwa espressjoni tal-komunjoni ta’ Pawlu mal-passjoni ta’ Kristu, tal-ġenerożità u l-perseveranza li bihom hu laqa’ dik it-triq twila tat-tbatija biex seta’ jasal jgħid: “Jiena nġib f’ġismi l-marki ta’ Kristu” (Gal 6:17).

    “Smajna,”  jgħid il-Papa Benedittu,“kif San Klement jgħid li Pawlu wasal sa truf il-Punent. Hemm diskussjoni jekk dan hux aċċenn għall-vjaġġ lejn Spanja li seta’ għamel San Pawl. Ma teżisti ebda ċertezza fuq hekk imma hu minnu li San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani jesprimi l- fehma tiegħu li jmur Spanja (ara Rum 15:24). Min-naħa l-oħra fl-Ittra ta’ Klement interessanti ħafna kif jissemmew wara xulxin iż-żewġ ismijiet ta’ Pietru u ta’ Pawlu. Anke jekk imbagħad jinqalbu fix-xhieda ta’ Ewsebju ta’ Ċesarija tas-seklu 4, li meta jitkellem fuq l-lmperatur Neruni jikteb hekk: ‘Tul is-saltna tiegħu, Pawlu ġie mogħti l-qtugħ ir-ras sewwasew f’Ruma u Pietru hemm ukoll ġie msallab’. Ir-rakkont hu kkonfermat mill-isem ta’ Pietru u Pawlu li sal-lum għadu miżmum fuq l-oqbra tagħhom f’dik il-belt”. 

    Hemm presbiteru Ruman Gaju li jgħid: “Jiena nista’ nurikom l-oqbra ta’ Pietru fuq l-Għolja tal-Vatikan u ta’ Pawlu fuq il-Via Ostiense”. Kull min hu devot ta’ San Pawl u jmur Ruma għandu jagħmel ħiltu  biex imur fuq il-qabar ta’ San Pawl li mhuwiex ’il bogħod mit-Tre Fontane fejn ġie maqtul, u mbagħad ġie midfun f’Via Ostiense fejn illum hemm bażilika ddedikata lilu. 


    Ir-rakkont ta’ min emmen fil-qawwa ta’ Pawlu

    Din is-sena, jiena u naqra forsi l-iżjed rakkont antik li għandna tal-passjoni, tal-mewt ta’ San Pietru u San Pawl, laqatni episodju ħelu ta’ mara li jisimha Perpetwa. Din innutat li s-suldati, wara l-kundanna ta’ Neruni, iġorru lil San Pawl fil-ktajjen għall-martirju tiegħu, u dawn it-tliet suldati kellhom l-ordni jaqtgħulu rasu għax kien ċittadin Ruman. Pietru, peress li ma kienx ċittadin Ruman, tawh it-tislib, imma Pawlu, għax kien ċittadin Ruman, ma kienx den ta’ daqshekk umiljazzjoni u qatgħulu rasu. Din Perpetwa tgħid lis-suldati: ‘Ħa nagħtikom il-maktur tiegħi u użawh biex tgħattulu għajnejh qabel taqtgħulu rasu’. U qalulha: ‘Toqgħodx taħli l-maktur’. Qaltilhom: ‘Jiena ma narax minn għajn waħda. Agħamluli pjaċir u erġgħu agħtuhuli lura għax jien nemmen li Pawlu għandu l-qawwa jfejjaqni’. U dawn għaddewha ftit biż-żmien, imma ta’ mara twajba li hi insistiet u użaw il-maktur fil-martirju tal-Appostlu Missierna. Xi ħadd li kien jaf x’ġara, ħa l-maktur imċappas bid-demm tal-appostlu u reġa’ tah lil Perpetwa. Din kif poġġietu m’għajnejha, jgħid ir-rakkont tal-Atti ta’ Pietru u Pawlu, reġgħet bdiet tara. Huma u ġejjin lura reġgħu ltaqgħu magħha u qalulha: ‘Mela tawulek il-maktur?’ Qaltilhom: ‘Iva, u qed nara sew’ u kkonvertew u mietu martri wkoll. Dan ir-rakkont ma nafux jekk hux leġġendarju jew le, imma juri l-qawwa tad-demm tal-martri. Fl-istess ħin ukoll meta taqra r-rakkont tal-martirju ta’ San Pawl, il-martirju tiegħu ma jinfired qatt minn dak ta’ Pietru.

    Hemm tixbieha sabiħa mill-Ktieb tal-Apokalissi li nixtieq nikkonkludi biha. Il-Ktieb tal-Apokalissi jsemmilna żewġ siġar taż-żebbuġ u żewġ kandelabri. Meta tipprova tifhem xi jridu jgħidu l-istudjużi, issib ħafna interpretazzjonijiet. Hawn min ukoll jaħseb li peress li fil-Ktieb tal-Apokalissi l-lampadarji huma s-sinjal tas-seba’ knejjes, dawn iż-żewġ lampadarji huma rappreżentanti tal-knejjes; li ż-żewġ siġriet huma x-xhieda li miż-żejt tagħhom il-lampa tkun tista’ tixgħel. U jekk hemm xhud li biż-żejt tax-xhieda tiegħu, tal-kelma u tal-imħabba tiegħu, imantni ż-żejt u d-dawl tal-Knisja, huwa l-Appostlu Missierna, li huwa l-Imgħallem tal-Ġnus.

    Lill-Kanonku Arċipriet offrejtlu siġra taż-żebbuġ għaliex xtaqt infakkar proprju l-Appostlu Missierna għaliex bħal din is-siġra taż-żebbuġ, li hija s-siġra tax-xhieda, miż-żejt tagħha jkompli jaqbad il-musbieħ tal-Knisja, il-musbieħ tal-komunità tagħna.

    Hawnhekk (fil-knisja ta’ San Pawl) tgħallimna nħobbu lil Ġesù; tgħallimna wkoll nkunu fidili lejn il-fidi li Pietru esprima meta lil Ġesù qallu: “Inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla l-ħaj”. Għalhekk jixraq li din il-knisja tkun magħquda ħafna mal-Qdusija Tiegħu l-Papa u jien nixtieq nikkonfermalek, għażiż Arċipriet, hija xewqa kbira tiegħi li lill-Papa nitolbuh biex din il-knisja—ma nafx jekk il-Papa Franġisku hux se jkollu ċ-ċans jiġi hawn bħalma ġew il-papiet ta’ qablu, imma almenu nitolbuh ikollna t-tifkira tiegħu—jelevaha bħala bażilika minuri.

    Jiena naf li kull parroċċa f’Malta jixraqilha għax kulħadd iħares lejn tiegħu u jixtieqlu l-aqwa ġid. Imma din hija l-ewwel parroċċa tal-gżejjer tagħna, din hija verità li ma jneħħiha ħadd u għalhekk, l-entużjażmu li wrejtu jfisser ħaġa waħda: li l-qaddisin ma jkunux biss fis-sema imma l-imħabba tagħna lejn il-qaddisin tfisser li nisimgħu l-kelma tagħhom—u Pawlu ħallielna kliem li kieku nimxu fuqu d-dinja timxi fuq ir-rubini—għaliex bħalma kien jgħid San Ġorġ Preca: “Id-devozzjoni tfisser l-imitazzjoni”.

    Viva San Pawl Martri!

     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta  

     


  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Atti 22, 3-16
    Salm: 116
    Qari II: 2 Tim 4, 6-8.17-18
    Evanġelju: Mk 16, 15-18