The Queen's Corgi

  • *****

    DiretturI:         Ben Stassen u Vincnet Kesteloot

    Ilħna:               Julie Walters, Sheridan Smith, Ray Winstone, Jack Whitehall, Matt Lucas, Tom Courtenay, Anthony Skordi, Colin McFarlane u Kirk Thornton

    Ħin tal-Film:    85 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 U

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      U

    Rex hu l-korġi favorit tar-Reġina Eliżabetta, mogħti lilha bħala rigal meta kien għadu ġeru. Imfissed għall-aħħar, Rex jgħix f’Buckingham Palace ma’ tliet korġi ohra, f’ħajja ta’ lussu. Meta l-President tal-Amerika, Donald Trump, flimkien ma’ martu Melenia jagħmlu żjara statali fl-Ingilterra, iġibu lil Mitzi kelba korġi. Ir-reġina tissuġġerrixxi li wieħed mill-korġi tagħha jgħammar ma’ Mitzi. Trump togħġbu l-idea. Mitzi titħalla tagħżel  lil wieħed mill-korġi u hi tagħżel lil Rex li xejn ma jieħu pjaċir bil-proposta li Mitzi tagħmillu.

    Rex jagħmel ħiltu biex jevitah ħafna drabi. Ġara, iżda, f’waħda minn dawn l-attentati, li Rex, biex jaħrabha, jidħol fil-kamra tal-ikel fejn ir-reġina kienet qegħda tospita lil President Trump u martu għal ikla statali. Sfortunatament, Rex aċċidentalment jigdem il-President, b’riżultat li r-reġina xejn ma ħadet pjaċir b’dak li ġara. Rex umiljat għal dak li seħħ, jiġi kkonsolat minn Charlie, korġi ieħor li kellha r-reġina. Charlie kien jgħir għal Rex u għalhekk ġietu l-opportunità biex jindieħes ma’ Rex u jħajjru joħroġ barra l-palazz fuq promessa falza li l-Papa fil-Vatikan xtaq ħafna li jkollu korġi. Rex emmen dak li qallu Charlie.

    L-ewwel ħaġa li għamel Charlie, hekk kif kienu barra l-palazz, kien li jaqla’ minn għonq Rex il-ġiżirana, rigal tar-Reġina. Hekk kif kienu t-tnejn maġemb ix-xmara Thames, Charlie mbotta lil Rex fl-ilma.  B’xorti tajba, Rex jiġi salvat minn raġel li jieħdu f’xelter tal-annimali. Xejn ma kienet faċli li Rex jintegra mal-annimali li kienu miżmuma hemm imma maż-żmien hu sar ħabib ma’ ħafna minnhom l-aktar ma’ Wanda li wkoll tibda turi nteress fih. Wanda kienet il-maħbuba ta’ Tyson, kelb kbir u ġellied li sfida lil Rex għal ġlied. Rex jirnexxielu jipperswadi l-klieb l-oħra biex jingħaqdu kontra Tyson u b’hekk jirnexxielhom jirbħulu. Wara din l-avventura, Rex flimkien ma’ Wanda u xi klieb oħra jaħarbu mix-xelter u jmorru lejn Buckingham Palace.  Is-suldati ma jagħrfux lil Rex għaliex kien maħsub li Rex, skont Charlie, kien inqatel minn xi volpi. X’jiġri minn hawn? Tgħid Rex jerġa’ jakkwista l-post privileġġat li kellu qabel? X’jagħmel hu u sħabu biex iseħħ dan?

    Film animat komputerizzat, Belġjan bl-Ingliż, taħt id-direzzjoni ta’ Ben Stassen u Vincent Kesteloot. Film bi storja ħelwa u li għandu jogħġob lil kulħadd.