• ***

    Direttur:          Gary Dauberman

    Atturi:              Mckenna Grace, Madison Iseman, Katie Sarife, Patrick Wilson, Vera Farmiga, Michael Ciminio, Stephen Blackehart, Steve Coulter u Samara Lee

    Ħin tal-Film:    106 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

    Fl-1971, Ed u Lorraine Warren, demonoloġisti, jiddeċiedu li jieħdu magħhom il-pupa Annabelle wara li Debbie u Camilla, żewġ infermiera, stqarrew magħhom  li l-pupa kienet ħafna drabi involuta f’attivatajiet vjolenti fl-appartament tagħhom. Hekk kif Ed u Lorraine kienu fil-karrozza fi triqthom lejn darhom, il-pupa ssejjaħ spirti biex jattakkaw lil Ed. Fortunatament, Ed isalva minn dawn l-attakki djaboliċi. Meta jaslu d-dar, ipoġġu l-pupa f’armatura tal-ħġieġ, f’kamra mimlija oġġetti li darba kienu ġew ipposseduti. Fr. Gordon, ħabib tal-familja  jissejjaħ biex ibierek il-pupa biex Ed u Lorraine jaċċertaw rwieħhom li l-ispirti ħżiena fil-pupa jkunu taħt kontroll.

    Sena wara, il-familja Warren jilqgħu f’darhom lil Mary Ellen biex tieħu ħsieb it-tifla tagħhom, Judy. Dan jagħmluh biex imorru jinvestigaw każ ieħor ta’ pussess demoniku. Fl-iskola Judy tara spirtu ta’ saċerdot isegwiha. Sadanittant, Mary Ellen tmur tixtri minn supermarket. Hemm tiltaqa’ ma’ Bob Palmeri, il-ħabib tal-qalb tagħha. Lura d-dar, Mary taħmi kejk għall-okkażjoni ta’ għeluq snin Judy. Ħabibtha Daniela tagħmel żjara, xejn mistennija. Daniela, li tilfet lil missierha ftit ġimgħat qabel, kienet kurjuża ħafna biex tikkommunika mal-mejtin. Waqt li rregalat par roller skates lil Judy bħala rigal f’għeluq sninha, tipperswadiha biex tmur tilgħab barra ma’ Mary Ellen. L-għan tagħha kien biex meta Judy u Mary Ellen ikunu barra mid-dar, hi tkun tista’ tidħol fil-kamra fejn kien hemm l-oġġetti li darba kienu ipposseduti.

    Għalkemm il-kamra kienet imsakkra, Daniela rrnexxielha ssib iċ-ċavetta u bdiet tesplora u tmiss l-oġġetti biex tkun tista’ tagħmel kuntatt ma’ missierha  permezz ta’ oġġett magħruf bħala “Mourner’s Bracelet”. Aċċidentalment, Daniela ma sakkarx il-bieba tal-ħġieġ tal-vetrina fejn kien hemm il-pupa Annabelle. Meta tisma’ ħoss fil-kamra, taħseb li missierha kien qiegħed jipprova jikkommunika magħha. Iżda ma jdumx ma jibda terrur mhux biss fil-kamra iżda wkoll fid-dar kollha hekk kif Annabelle tibda toħroġ spirti ħżiena li jieħdu l-ħajja, fosthom Bee Mullins, il-Ferryman, l-Għarusa, il-korrazza ta’ samuraj, Feeley Meeley board game u kelb tal-kaċċa nfernali. X’sejrin jagħmlu, Mary Ellen, Daniela u Judy kif isibu ruħhom f’din il-qagħda tal-biża’?  

    Film Amerikan, tal-biża’ fuq is-sopranaturali, msejjes fuq il-leġġenda:  Annabelle doll. Hu taħt id-direzzjoni ta’ Gary Dauberman u kitba tiegħu stess u James Wan. Minħabba t-tema tal-okkult, vjolenza mdemmija u kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.