ŻAK: Youth Exchange fl-Islovakkja

  • Il-membri taż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK) jorganizzaw u jieħdu sehem f’diversi youth exchanges matul is-sena kollha. Grupp ta’ ħames żgħażagħ irritornaw minn ġimgħa l-Islovakja għax ipparteċipaw f’exchange, iffinanzjata mill-Erasmus+, bl-isem ta’ Solidarity: Just a Word?! Dawn huma l-esperjenzi tagħhom ta’ dik il-ġimgħa.

    “F’din il-ġimgħa fl-Islovakkja nista’ ngħid li kienet ġimgħa li mhux ħa ninsa qatt. Apparti l-fatt li ħadt gost bin-natura u l-ambjent tal-madwar u l-attivitaijiet li għamilna, nista’ ngħid li tgħallimt ħafna minn diversi persuni li ltqajt magħhom. L-iktar persuna li ħalla impatt fuqi kien raġel ta' 58 sena li żorna meta morna residenza li fiha jgħixu anzjani u nies b'diżabilità. Kelli l-opportunità li nitkellem ma' dan ir-raġel u ddiskriva fil-qosor l-istorja ta' ħajtu u għalfejn qed jgħix fir-residenza. Qalli u urini li meta kellu 28 sena kien weġġa b'xokk qawwi tal- elettriku li minħabba fih tilef il-laħam minn żewġ saqajn. Semma ukoll l-inċident meta xorob u kiser siequ, u qalilna li ilu fuq sena u nofs ibati biha għax baqgħet mgħawġa. Minkejja dawn iż-żewġ episodji ħallew marka permanenti għal kumplament ta' ħajtu kien persuna ċajtiera u dħuli u wara affaxinana kollha meta qam bilwieqfa u beda jilgħab volleyball magħna u anke neħħa l-krozzi tiegħu. Dan ir-raġel urini kif ma ħallix is-sitwazzjoni tiegħu tagħmel bih, u xorta jsib biex jifraħ u jagħmel kuraġġ lilu nnifsu. Għalkemm tgħallimt fuq kif turi iktar solidarjetà ma' ħaddiehor ġejt inspirat minn nies li ma stennejtx li ha jinspirawni u ħallew marka fuqi li permezz tagħha għandi perspettiva differenti lejn ċertu aspetti tal-ħajja. Fuq kollox, kienet esperjenza fejn għamilt ħbieb ġodda, memorji ġodda u tgħallimt affarijiet li ma stennejtx li ħa nitgħallem.” Nathaniel Pio Scicluna – 17-il sena, ŻAK Birkirkara

    “Kienet esperjenza mill-isbaħ! Matul youth exchange ikollok iċ-ċans issir taf ħafna nies differenti minn pajjiżi oħra, tqatta’ l-ħin magħhom u tagħmel ħbieb ġodda. Tgħallimt li s-solidarjetà mhux li tagħti l-flus jew riżorsi lil ħaddieħor biss. Tfisser li turi l-imħabba u r-rispett lejn nies oħra. Anke lejn dawk n-nies differenti minnek. Jekk ikolli opportunità għal xi ħaġa simili mill-ewwel napplika. Hija esperjenza unika! Inħeġġeġ ħafna biex żgħażagħ oħra jieħdu sehem f'attivitajiet bħal dawn!” Myron Saliba – 15-il sena, ŻAK Ħal Tarxien

    “Ħadt gost f’din l-exchange fl-Islovakkja u ħadt gost ma’ nies ġejjin mill-Estonja, ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, il-Latvija u l-Islovakkja. L-attivitajiet kienu interessanti u jirrikjedu ħafna teamwork. Tgħallimt li għandna bżonn l-għajnuna ta’ xulxin, u fuq il-kulturi tal-pajjiżi l-oħra.” Matthew Abela – 17-il sena, ŻAK Siġġiewi

    “Ġimgħa meraviljuża, fejn mhux tgħallimt dwar it-topic ta’ Solidarjetà, iżda ltqajt ma’ ħafna persuni tal-ġenn. L-isbaħ parti tal-ġimgħa kienet fejn esperjenzajna s-solidarjetà b’mod prattiku għax ltqajna ma’ persuni fil-bżonn u ppruvajna nżommulhom kumpanija jew nagħtu daqqa t’id fix-xogħol li jkun hemm bżonn. Dan kollu għin biex ferraħniehom. Nispera li l-parteċipanti nibqgħu nżommu kuntatt bejnietna.” Chad Sehloho – 17-il sena, ŻAK Birkirkara

    “Din l-exchange kienet esperjenza indimentikabbli. Barra li tgħallimt xi tfisser eżatt il- kelma solidarjetà, kelli l-opportunità nesperjenzaha ukoll meta morna nżuru residenza tal-anzjani u ltqajna ma’ nies bla dar. B’hekk stajt nifhem aħjar kif nistgħu nesperjenzaw is-solidarjetà fil-ħajja ta’ kuljum u kif azzjoni zgħira tista’ tħalli impatt kbir fuq xi ħadd. Ħadt gost li matul din il-ġimgħa għamilt ħbieb ġodda minn diversi pajjiżi. L-iktar li hadt gost meta morna nżuru l-anzjani u qagħadna nsajru u nilgħabu magħhom. Allavolja ma konniex qed nagħmlu xi ħaġa kbira stajt nara kemm kienu ferħanin bil-preżenza tagħna u din ispiratni biex inkompli ngħin. Bla dubju jekk jerġa’ jkolli l-opportunità li nipparteċipa f’exchange oħra, nieħu sehem, għax kienet esperjenza li tgħallimt ħafna fiha. Hija esperjenza unika u għalhekk inħeġġeġ lil żgħażagħ oħra jieħdu sehem f’attivitajiet bħal dawn!” Krista Fenech - 17-il sena, ŻAK Ħal Tarxien

    “Kienet esperjenza sabiħa ħafna u li mhux ser ninsa qatt. Konna grupp sabiħ u kulħadd ipparteċipa sabiex insiru nafu iktar dwar is-solidarjetà u kif nistgħu nuru solidarjetà fil-ħajja tagħna ta’ kuljum bla ma nistennew xejn lura. Ser nibqa’ niftakar il-ferħ li rajt f’wiċċ l-anzjani meta morna inqattgħu ftit sigħat magħhom u tajnihom ftit rigali li ppreparajna għalihom matul dik il-ġimgħa. Irrealizzajt kemm dawn in-nies ikollom bżonn lil xi ħadd min jismagħhom sabiex iħossuhom maħbuba. Smajna ħafna stejjer differenti u kull wieħed u waħda minnhom ser jibqgħu f’qalbna. Fl-aħħar mill-aħħar nixtieq inħeġġeġ iktar żgħażagħ sabiex juru rispett u jgħinu lil dawk li qed ibatu kif ukoll biex jipparteċipaw f’opportunitajiet bħal dawn għaliex jgħinuk tikber u titgħallem affarijiet ġodda anki fuqek innifsek.” Chantel Formosa – 22 sena, Viċi President taż-ŻAK

    0
     Advanced issues found