L-Omm tal-Ħniena - L-Arċisqof

Quddiesa fil-festa tal-Imqaddsa Verġni Marija tal-Għolja tal-Karmelu

  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna


  • Is-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt Valletta

    16 ta' Lulju 2019


    “U hekk m'intix iżjed ilsir, iżda iben; u jekk iben, werriet ukoll bil-grazzja ta' Alla” (Gal 4:7). Dan il-kliem mill-Appostlu Missierna San Pawl lill-Galatin irid jagħmlilna ħafna kuraġġ f’din il-festa għażiża tal-Madonna tal-Karmnu.

    Fl-Evanġelju li għadna kemm smajna, qabel imut fuq is-salib Ġesù jafda lil ommu mhux lill-qrabatha imma lil Ġwanni. Ma ninsewx li l-istess evanġelista jgħidilna li ħdejn is-salib ta’ Ġesù kien hemm ommu u wkoll oħt ommu: “Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta' Magdala” (Ġw 19:25).

    Ġesù seta’ jafda lil ommu lil oħtha, imma ma jagħmilx hekk. Lil ommu jafdaha lid-dixxiplu l-maħbub u jagħmilha omm tad-dixxipli. Għaliex? Għaliex lil Ġwanni ma jgħidlux biex jieħu ħsiebha hu għax hu ma jistax. Imma jgħid: “Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: ‘Mara, hawn hu ibnek’. Imbagħad qal lid-dixxiplu: ‘Hawn hi ommok’ (Ġw 19, 26-27). Lill-Madonna Ġesù jagħtiha maternità ġdida, il-maternità li mhux tal-familja imma tal-familja tiegħu li hi l-Knisja; Ġesù jagħtiha l-maternità tad-dixxipli tiegħu.

    Aħna bil-Magħmudija nsiru wlied il-Missier. Meta nitkellmu fuq l-adozzjoni, dak li tfisser, għax aħna m’aħniex allat, imma Alla jsejħilna wliedu, bħal ulied adottivi! Il-Madonna, hi u tbennen fi ħdanha lil ħelu Ġesù, trid tfakkarna biex ninfatmu mill-ktajjen kollha tagħna. “U hekk m'intix iżjed ilsir” (Gal 4:7), m’għandekx tkun skjav tar-rabja, tal-passjonijiet ħżiena, u tar-regħba; inti ħieles għax ibni ħelsek u fdiek. L-omm tfakkarna li aħna wlied il-fidwa għax hi omm il-Feddej.

    “U hekk m'intix iżjed ilsir, iżda iben; u jekk iben, werriet ukoll bil-grazzja ta' Alla” (Gal 4:7). X’se nirtu? Il-ġenna! Aħna u nħarsu lejn il-Madonna llum nitolbuha biex titfa’ fil-qalb u r-ruħ tagħna dik ix-xenqa għal ġenna biex nkunu tassew werrieta tal-ħelsien veru li ġabilna binha. Nitolbu għad-dinja, li ħafna drabi tkun marbuta bil-ktajjen ta’ jasar kiefer, biex f’iben Marija ssib tassew il-ħelsien.

    Fis-sekwenza, lil Marija nitolbuha biex lill-Karmelitani u lilna d-devoti tagħha turina ħniena u mħabba. Ejjew nitolbu lill-Madonna biex fil-qalb tagħna tnissel il-faraġ, il-ferħ u l-paċi ta’ min jaf li Alla jħenn għalih u jħobbu għaliex hemm ħafna nies li fil-ħajja donnu jħossu li ma jħobbhom ħadd. Illum ejjew infakkru ’l xulxin li Alla jħenn għalina u jħobbna, u li ommu, kif ngħidulha fis-Salve Regina, hija omm tal-ħniena, omm tal-ħniena! Imma nitolbu ’l Mulej biex jeħlisna mill-jasar kollu li jfixkilna ħalli jkollna l-ferħ veru ta’ min daq il-ħelsien li ġabilna hu.


     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta

    0
     Advanced issues found
     

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Slat 18, 42b-45a
    Salm: 14
    Evanġelju: Ġw 19, 25-27