Il-parir tal-Arċisqof: Mur itlob u ħajjar lil nies oħra jagħmlu l-istess

Quddiesa fil-festa ta' San Benedittu, abbati u patrun tal-Ewropa

  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna


  • Il-Monasteru ta' Santa Skolastika, il-Birgu

    11 ta' Luju 2019


    L-antiki jiftakru li l-festa ta’ San Benedittu kienet issir fil-21 ta’ Marzu propju fil-bidu tar-rebbiegħa u allura forsi kienet tkun inqas sħana mil-lum.

    Nixtieq l-ewwel nett insellem, kif għamilt fil-bidu, lil Reverendissima Badessa u nifirħu magħha f’dan l-anniversarju tant importanti. Nitolbu lil Alla biex iħarisha, jagħtiha għomor twil, iżejjinha dejjem bħalma għamel dejjem b’ħafna għaqal, ħafna kuraġġ u b’kelma li tinfed il-qlub u b’ħarsa qisha x-ray spiritwali fuq dak li jkun. U għedt biżżejjed fuq il-Madre għax ndumu.

    Aħna llum qegħdin hawn biex niċċelebraw bniedem straordinarju li għex sekli ilu, qed nitkellmu fuq San Benedittu minn Norcia, li għex fis-seklu 5 - 1,500 sena ilu imma ħalla wirt kbir spiritwali li għadu jinħass sal-lum. Mhux ta’ b’xejn San Benedittu huwa wieħed mill-patruni tal-Ewropa. Il-Mulej għażlu biex fil-Knisja tal-Punent iwassal l-ispirtu tal-monakeżmu. X’inhu l-monakeżmu? Huwa li r-ruħ tiddeċiedi li tkun totalment ta’ Alla medhija biss bil-ħwejjeġ tiegħu. Imma l-istess San Benedittu għaqqad lil dawn in-nies f’komunitajiet u l-esperjenza tiegħu li kellu Subiaco u għallimha lid-dixxipli tiegħu. Kif tafu, huwa midfun ma’ oħtu Santa Skolastika f’Monte Cassino.

    Il-ħajja tiegħu hija mżewqa b’episodji ħelwin li juruna - bħalma anke antiċipat is-sekwenza tant sabiħa fil-festa tiegħu - bniedem li totalment jafda f’Alla u Alla jieħu ħsiebu, jipproteġih. Tgħallem Ruma, it-tagħlim tiegħu kien tagħlim serju imma Ruma fixklitu wkoll. Kien hemm mumenti meta kellu jitlaq mill-belt għaliex l-eżempji li ra ma kinux sbieħ; id-dinja donnha ma titbiddilx. U mar Subiaco fuq post fejn kien hemm ir-rovini ta’ wieħed mill-palazzi l-kbar tal-Imperatur Neruni. Fil-fatt ħafna mill-materjal biex inbena l-monasteru ta’ Subiaco ttieħed propju minn dawn ir-rovini ta’ din il-villa kbira li l-Imperatur Neruni, l-ewwel persekutur kbir tal-Insara, kien bena fl-inħawi. L-ironija: palazz ta’ imperatur persekutur jagħti l-materjal għal ċiviltà ġdida.

    Meta wieħed jaqra ħafna kummentarji fuq l-aspett ta’ San Benedittu fuq il-Knisja u fuq l-istorja tal-Ewropa, isib dejjem din ir-riflessjoni: sab ambjent li kien qed jisfaxxa. L-Imperu Ruman kien kważi kważi, jekk mhux qed imut, mejjet, dekadenza totali. U b’umiltà kbira, bil-ftit żerriegħa ċkejkna li kibret, bena biex ngħidu hekk bizzilla kbira madwar l-Ewropa ta’ monasteri fejn il-kultura. Iċ-ċiviltà mhux biss salvat imma kibret.   

    Għalhekk aħna nafu li x-xogħol ta’ wlied San Benedittu, il-fatt li wasslulna tant opri straordinarji tal-antik, il-fatt li b’żewġ kelmiet: itlob u aħdem huwa tana messaġġ importanti li joqgħod ħafna wkoll għalina. Ħafna drabi aħna l-bnedmin li qegħdin fid-dinja naħdmu u ninsew nitolbu. San Benedittu jfakkarna li x-xogħol  huwa importanti, ma jridx għażż; il-monaku u anke n-Nisrani mhux imsejjaħ għall-għażż imma jfakkarna wkoll fil-ħtieġa tat-talb ora, itlob et labora u aħdem.

    Kemm missirijiet tal-familja minn xogħol għall-ieħor, la għandhom ċans jaraw it-tfal wisq inqas jitolbu. Kemm tkun ħaġa sabiħa li bl-għajnuna u l-interċessjoni ta’ San Benedittu nerġgħu niskopru dik il-ħlewwa li aħna nkunu f’riġlejn l-artal. Jiena trabbejt Ħal Qormi imbagħad Ħal Lija u dejjem kont napprezza l-irġiel tax-xogħol li qabel jibdew ix-xogħol jew wara, jisimgħu dik il-quddiesa. Jitolbu li l-patri jew il-qassis ma jdumx ħafna ħalli jlaħqu l-karozza tax-xogħol. Niftakar Ħal Lija kien ikun hemm, għax kont nirkibha jien wkoll fil-ftit xhur li għamilt naħdem it-Tarzna, kien ikun hemm il-karozza tistenna fil-pjazza. Allura noħorġu mill-quddiesa, ma jkunx hemm xi festa kbira b’ħafna talb twil u nitilfu l-karozza tax-xogħol għax imbagħad tiġi naqra kkumplikata u mhux qaddis ikun, imma!

    Kemm hi ħaġa sabiħa li l-ħaddiem jibda l-ġurnata tax-xogħol bil-quddiesa jew inkella wara, jekk ikollu ċans, jagħmel viżta, jidħol fi knisja jitlob. Hawn ħafna żgħażagh jagħmluha din, ta. Jiena niftakar tobba jitolbuni biex ikun hemm post anke billejl fejn jistgħu jmorru jitolbu. Qed ngħid għal-lum ta, mhux 100 sena ilu. Ħafna drabi ngergru u ma ngħoddux it-tajjeb u nirringrazzjaw ’l Alla tat-tajjeb li hawn.

    Imma kemm tkun ħaġa sabiħa, anke l-eżempju tagħna – nibda minni u s-saċerdoti sħabi, li jkollna dan l-għatx għal Alla. Tajjeb nieħdu ħsieb il-knejjes tagħna u nirrestawrawhom, nieħu pjaċir nara kemm l-awtoritajiet, il-Gvern ċentrali kemm jaħdem biex il-kultura u l-patrimonju tagħna ma nitilfuhx. Imma dawn mhumiex mużewijiet, irridu nieħdu ħsiebhom imma jridu jibqgħu djar tat-talb. Issa kif tkun dar tat-talb? Billi mmorru nitolbu, billi mmoru u nitolbu u ġġib lil min jitlob. Titlob u ġġib lil min jitlob. 

    Hekk imqanqlin b’dan l-ezempju ta’ San Benedittu, illum nitolbu anke biex il-monasteri tagħna ikollhom futur. Meta tħares lejhom tgħid x’se nsibu ’l quddiem? U għalhekk nitolbu ’l Alla għall-vokazzjonijiet. Meta l-Mulej irrealizza li l-ħsad huwa kbir u l-ħaddiema ftit, x’qalilna? “Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu” (Mt 9:38 ). U jiena din il-barka li nitlob anke bħala rigal ċkejken lill-Badessa, nitolbu għaliha, għall-monasteru u nitolbu bl-interċessjoni ta’ San Benedittu u Santa Skolastika biex ikollna vokazzjonijiet għal din il-ħajja sabiħa imma mhux faċli, sabiħa imma mhix faċli. U tgħiduli: ‘mhux kollox fih id-diffikultajiet tiegħu?’

    Qed inħares lejn diversi miżżewġin jien: ommijiet, missirijiet, nanniet, u jekk hawn xi bużnanna nsellmilha wkoll. Il-ħajja nżul u tlajja’ u kull warda għandha x-xewka. Il-Malti fl-għerf tiegħu jifhem li l-ħajja mhux kollox faċli u għalhekk nitolbu anke għaż-żgħażagħ tagħna biex bl-interċessjoni ta’ San Benedittu jkollhom din it-togħma ħelwa tal-ħajja tar-ruħ. Nitolbu wkoll għall-Ewropa bl-interċessjoni ta’ dan il-patrun kbir tal-Ewropa flimkien ma’ San Ċirillu u San Metodju, u t-tliet qaddisin nisa patruni: Santa Katarina ta’ Siena, Santa Briġida tal-Iżvezja u Santa Edith Stein. Dawn is-sitt patruni tal-Ewropa jinterċedu għall-kontinent għażiż tagħna.


     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta

    0
     Advanced issues found
     

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Pr 2: 1-19
    Salm: 33
    Evanġelju: Mt 19, 27-29