It-titlu li għażlet il-Verġni Marija - L-Isqof Awżiljarju

Quddiesa fil-50 anniversarju mill-Ordinazzjoni Presbiterali ta’ Mons. Lino Grech

  • L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi


  • Il-Bażilika ta' Santa Marija, il-Mosta
    28 ta’ Lulju 2019

    Jien u nirrifletti fuq din l-okkażjoni sabiħa, għażiż Mons. Lino, bdejt naħseb liema titlu l-aktar li jkun jixraqlek meta tqis dawn il-50 sena ta’ ħajja saċerdotali. Monsinjur diġà int, u doppju; imħallef ukoll fit-Tribunal Reġjonali tat-Tieni Istanza, anzi Vigarju Ġudizzjali aġġunt; ġo bażilka ġa qiegħed. Kważi eżawrejt ħafna mill-possibbiltajiet!


    Qaddej

    Ħa nissuġġerilek titlu li qalitu Marija, li lilha hi ddedikata din il-Bażilika, meta ġiet biex tiddeskriva lilha nnifisha: “Jiena l-qaddejja tal-Mulej”. Dan hu t-titlu li hi tagħżel. U Ġesù kkonferma kemm kien titlu addattat dak ta’ Marija meta, kif smajna fl-Evanġelju, fl-Aħħar Ċena spjega lid-dixxipli tiegħu: “L-akbar fostkom għandu jġib ruħu tal-iżgħar wieħed, u min hu fuq l-oħrajn iġib ruħu ta’ qaddej. Għax min hu l-akbar, dak li jkun fuq il-mejda, jew dak li jkun qed jaqdi? Mhux dak li jkun fuq il-mejda? Imma jien qiegħed fostkom nagħmilha ta’ qaddej” (Lq 22:26-27).
    Għażiż Dun Lino, dan hu t-titlu li nixtieq li tħaddan u li tgħożż: dak ta’ qaddej.


    Elevat… sa fuq is-salib

    Diversi mit-titli l-oħra jieħdu magħhom il-verb “eleva” – pereżempju, dil-knisja ġiet elevata għal bażilika. Dan it-titlu ta’ qaddej ukoll jelevak imma għal post wieħed – sa fuq is-salib, fejn int issir ħaġa waħda ma’ Ġesù l-qaddej li jagħti ħajtu bi mħabba sħiħa għall-poplu. Sa hemm jelevak. Nirreferi għal kif fissirha l-Papa Franġisku f’espressjoni tipika tiegħu. Hu qal: Nistgħu nużaw il-verb ‘ħa promotion’ fil-Knisja, imma f’sens wieħed: ħa promotion għas-salib, biex jixbah aktar lil Ġesù (omelija tal-21 ta’ Mejju 2013).

    Hemm biss tkun elevat, fuq is-salib. Imma l-bqija, iktar ma tkun qaddej, flok togħla iktar titbaxxa, aktar tinżel lejn l-art biex taħsel saqajn l-oħrajn fuq l-eżempju ta’ Ġesù. Din hi fl-aħħar mill-aħħar il-ħajja tas-saċerdot jekk irid isegwi lill-Imgħallem u l-Mulej: “Jekk jien li jien l-Imgħallem u l-Mulej ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin” (Ġw 13:14).  Biex taħsel is-saqajn, mhux tkun elevat trid, imma tinżel sal-qiegħ.


    Ħamsin sena ta’ qadi

    Jien ċert li dan hu li int fittixt li tagħmel f’dawn il-50 sena ta’ saċerdozju – li tkun qaddej ta’ Alla u qaddej tal-poplu tiegħu. Meta tħares lejn il-ħidmiet differenti li kellek, kemm bħala kappillan jew saċerdot li tagħti s-servizz f’parroċċa, kif ukoll fit-Tribunal Ekkleżjastiku, int għamilt ħiltek biex tgħix is-sejħa li Alla għamillek b’fedeltà. Għamilt dan bil-qawwa ta’ Alla, u għax ħallejtu jaħdem fik.

    Illum aħna ngħidu grazzi mill-qalb lil Alla għal dawn is-snin ta’ ministeru saċerdotali tiegħek u għal tant nies li għenuk biex tasal sa hawn. Ħamsin sena ilu kien iż-żmien ta’ wara t-tmiem tal-Konċilju Vatikan II. Kien żmien ta’ taqlib fis-soċjetà u fil-Knisja, ta’ bidliet kbar. Kien dak iż-żmien meta int ġejt ordnat saċerdot biex tkun ragħaj tal-Poplu ta’ Alla.

    Flimkien mal-grazzi lil Alla, ngħidu wkoll grazzi lilek għall-kontribut ta’ fejda li tajt lill-Knisja f’Malta bil-ħidma tiegħek magħmula b’dedikazzjoni u b’disponibbiltà kbira; mhux b’ħafna daqq ta’ trombi imma b’mod effettiv. Nixtieq nurik l-apprezzament tal-Knisja f’Malta għal dan.


    It-titlu li se tieħu miegħek

    Illum hi ġurnata wkoll li nħarsu mhux biss lejn dak li għadda imma wkoll lejn il-ġejjieni. Nixtieq nitlob lill-Mulej biex int tkun dejjem qrib tiegħu u biex jgħinek tkun qaddej ħabib tiegħu u tal-poplu tiegħu. Nawguralek li dak kollu li tagħmel ikun b’dan l-iskop: li taqdi bi mħabba kbira lill-bniedem, ħafna drabi mweġġa’ u għaddej mit-tbatija, u taqdi billi ddewwi l-qalb miksura, tfarraġ, teħles, u tferraħ, kif smajna fil-qari mill-Profeta Iżaija. Taqdi lill-bniedem billi twassallu mhux lilek innifsek imma lil Ġesù li jista’ jimla tassew il-qalb.

    Għażiż Mons. Lino, aħna lkoll li qed nifirħu miegħek nawgurawlek ħafna snin oħra ta’ servizz għall-Mulej u l-poplu tiegħu. Nixtiqulek snin li fihom tkompli tgħix il-kliem ta’ Ġesù li tgħid kuljum waqt il-quddiesa fil-mument tal-konsagrazzjoni: “Dan hu ġismi li jingħata… demmi li jinxtered …għalikom.” B’hekk l-Ewkaristija li tiċċelebra, li hi l-għajn u l-quċċata ta’ ħajtek, tkompli ssaħħek fis-sejħa li tkun qaddej.

    Imbagħad meta jasal il-mument li l-Mulej isejjaħlek – aħna nixtiqulek ħafna snin ta’ servizz hawn, imma dal-mument jasal –  kif taf tajjeb int, se tħalli hawn it-titli differenti tal-ħajja, għax dawk ma jissarrfux fil-ħajja ta’ dejjem. Se tmur tiltaqa’ miegħu b’titlu wieħed: dak li tagħżel Marija, it-titlu ta’ qaddej. Marija mtellgħa s-sema hija dik li tgħinna biex naslu fejn daħlet qabilna hi. Hi tippreparak fil-mixja ta’ ħajtek biex dakinhar il-Mulej ikun jista’ jgħidlek: “Qaddej tajjeb u fidil… idħol fil-hena ta’ sidek” (Mt 25:21).


    Ad multos annos!


    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju