Stuber

  • ***

    Direttur:          Michael Dowse

    Atturi:              Kumail Nanjiani, Dave Bautista, Iko Uwais, Natalie Morales, Betty Galpin, Jimmy Tatro, Mira Sorvino u Karen Gillan

    Ħin tal-Film:    105 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

    Stu, żagħżugħ b’karattru ħelu ħafna u lablabi, jaħdem bħala lavrant f’ħanut li jbiegħ affarijiet tal-isports. Wara x-xogħol, Stu jagħmel xogħol ta’ sewwieq mal-kumpanija Uber, f’karozza elettrika biex hekk ikun jista’ jaqla’ xi ħaġa extra biex jgħin finanzjarjament lil Becca, l-ħabiba tiegħu li xtaqet tiftaħ gym.  Stu xtaq ħafna li jieħu b’martu lil Becca għalkemm kien hemm dubji serji.  Stu kien jiftaħar li s-servizz li kien joffri bħala sewwieq, kien tal-għola livell: “Five Star”.

    Sadanittant, Vic Manning, ta’ età medja, kien għadu jibki l-mewt traġika ta’ Sarah Morris li kienet taħdem miegħu bħala detektiv. F’operazzjoni kontra barun ta’ droga, Oka Teijo, Sarah sfat maqtula minn Oka li rrnexxielu jaħrab minn fuq il-post wara ġlieda ħarxa li Vic u Sarah kellhom miegħu u sħabu meta dawn ġew assedjati minn fejn Oka kien jopera. Din it-telfa kellha effett serju fil-ħajja ta’ Vic. Barra li kien iddivorzjat kaġun tal-importanza li kien jagħti lix-xogħol tiegħu, Vic kien ukoll abbanduna d-dmirijiet tiegħu ta’ ġenitur lejn bintu Nicole, illum il-ġurnata, tfajla matura u artista. Il-fatt li Vic kien juża saħħtu u goff, din bdiet turi li ż-żmien kien għamel tiegħu, għalkemm hu kien għadu jridha u lest li jpoġġi lilu nnifsu f’riskju kbir.

    Barra li Vic kien allerġiku kemm għal kliem żejjed kif ukoll għal teknoloġija moderna, malajr kienet taqbiżlu u l-jiftaħ in-nar. Ma kien iqis xejn. Jum wieħed, fuq insistenza ta’ bintu Nicole, imur għand tabib biex permezz ta’ operazzjoni bil-laser ikun jista’ itejjeb il-vista t’għajnejh. Għalkemm it-tabib qallu li ma jkunx jista’ isuq għal xi ħin, Vic meta pprova jsuq għaliex irċieva tipp fejn kien qiegħed jgħix il-baruni tad-droga,  spiċċa f’diżastru. Ma kien baqgħalu xejn x’jagħmel ħlief li jsejjah lil xi sewwieq li kien lest li jgħinu. Hawn jidħol Stu fix-xena li jsib ruħu fi prova iebsa u perikoluża. X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan, kummiedja u mimli azzjoni, taħt id-direzzjoni ta’ Michael Dowse u kitba ta’ Tripper Clancy. Minħabba vjolenza eċċessiva u bla rażan, mdemmija,  b’rizultat ta’ qtil u wkoll tortura, ċajt goff u doppju sens,  kif ukoll kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.