The Dead Don't Die

  • **

    Direttur:          Jim Jarmusch

    Atturi:              Bill Murray, Adam Driver, Tilda Swinton, Chloè Sevigny, Steve Buscermi, Austin Butler, Danny Glover, Caleb Landry, Jones Rosie Perez u Iggy Pop

    Ħin tal-Film:    103 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                             15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                  18

    Il-pulizija ġewwa r-rahal ta’ Centerville, jirċievu tagħrif mill-bidwi Frank Miller li naqsitlu tiġieġa. Cliff Robertson u Ronnie Peterson, pulizija, jmorru jinvestigaw u fil-bosk jiltaqgħu ma' Hermit Bob. Lura lejn l-għassa, Cliff jirrimarka li għalkemm kien sar il-ħin, il-jum kien għadu mdawwal sew, ħaġa mhux tas-soltu wara t-tmienja ta’ filgħaxija. Ronnie wkoll jintebaħ li l-arloġġ u l-mobile kienu waqfu. Miller, waqt li kien f’ristorant jiekol xi ħaġa, jitkellem ma’ Hank Thompson li għandu ħanut tal-għodod u ż-żebgħa fuq Hermit Bob. Hank kien sema’ rapport li jħasbek fuq ir-radju, li kien jgħid li kien hemm ċaqliqa żgħira polari. Fern, il-waiters irrimarkat li għadu ma dalamx.

    Fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ żgħażagħ bi problemi, Olivia u Stella jisimgħu lil Geronimo jgħid li ċaqliqa żgħira polari kien ifisser li din għandha taffetwa d-dawran tad-dinja. Dean minnaħa l-oħra wassal xi rivisti għand Bobby li għandu pompa tal-petrol waqt li fil-ħanut żgħir li kellu, kien jiġbor tifkiriet. Niltaqgħu ma’ Danny Perkins li jmexxi l-Moonlight Motel li wkoll jisma’ l-aħbar li l-pets fid-djar kienu qegħdin iġibu ruħhom b’mod stramb.  Il-bidwi Miller jinnota wkoll li l-annimali kollha li kellu sparixxew. Lura fl-għassa tal-pulizija, Cliff u Ronnie jingħaqdu ma’ Mindy Morrison. Dawn it-tlieta jibdew jiddiskutu l-affarijiet strambi li kienu qegħdin jiġru madwarhom.

    Issa li sar il-ħin, Ronnie u Mindy jħallu lil Cliff waħdu fl-għassa biex jieħu ħsieb matul il-lejl, il-mejta Mallory O’Brien. Lura fir-ristorant, Fern u Lily li tidħol filgħaxija biex tnaddaf il-post, jiddiskutu lil Zelda Winston, mara stamba li dan l-aħħar bdiet tieħu ħsieb tipprepara l-mejtin għad-difna f’The Ever After Funeral Home. Zelda kienet tipprattika l-użu tajjeb ta’ xabla quddiem statwa ta’ Buddha. Matul il-lejl waqt li kienet qegħda tipprepara żewġ mejtin, dawn iqumu mill-mewt. Zelda tkun pronta taqtgħalhom rashom bix-xabla, l-uniku mezz kif teħles minn xi żombi. X’kien beda jiġri ġewwa Centreville hekk kif numru ta’ żombies bdew ħerġin mill-oqbra? 

    Film Amerikan, kummiedja fuq żombies li jqumu mill-oqbra u jikkawzaw diżastru u mwiet fir-raħal ċkejken ta’ Centerville, taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Jim Jarmusch. Minħabba t-tema tal-film li ħafna drabi jrendi ruħu fir-ridikolu kif ukoll il-mod kif teħles minn żombies, kliem u ċajt goff, tkun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.