The Lion King

  • *****

    Direttur:          Jon Favreau

    Ilħna:               Doald Glover, Seth Rogen, Chitwetel Ejiofor, Alfre Woodard, Billy Eichner, John Kani, John Oliver, Beyoncè Kowles-Carter u James Earl Jones

    Ħin tal-Film:    118 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      PG

    Ġewwa Prida Lands fl-Afrika, l-iljuni jaħkmu fuq is-saltna tal-annimali. Ir-Re Mufasa u r-Reġina Sarabi jippreżentaw lil binhom Simba lill-annimali kollha li nġabru qrib il-Pride Rock permezz ta’ Rafiki, il-mandrill, xuman u l-konsulent tas-saltna. Mufasa juri lil Simba l-art kollha, u fehmu fuq ir-responsabiltajiet li għandu re u ċ-ċirku tal-ħajja. Scar, ħu Mufasa,  imxxennaq għas-saltna, jippjana biex jelimina lil Mufasa u lil Simba u hekk isir re hu. Scar iqarraq b’Simba u Nala, biex jesploraw ċimiterju ta’ iljufanti. Mufasa kien widdeb lil Simba biex ma jersaqx ‘l hemm u kellu raġun għaliex kif Simba u Nala daħlu fiċ-ċimiterju, jiġu attakkati minn Shenzi, Kamari u  Azizi, tliet hyenas bi ftehim ma’ Scar.

    B’xorti tajba, Mufasa mwissi minn Zazu, hornbill, il-maġardom tas-saltna, ikun fil-ħin biex isalva lit-tnejn li huma minn mewta ċerta.  Mufasa ma ħax pjaċir b’dak li għamel Simba, iżda malajr jaħfirlu u spjegalu kif ir-rejiet tal-passat kienu għadhom iħarsu fuqhom mis-smewwiet u li hekk għadhom jagħmlu. Scar għal darb’oħra jerġa’ jippjana nasba għal ħuh u n-neputi Simba.  Għalhekk ħajjar lil Simba biex imur żjara fil-gorge  waqt li hu kien ftiehem mal-hyenas biex imexxu merħla kbira ta’ gnu u hekk jikkawżaw stampede. Sadanittant hu nforma lil Mufasa bil-periklu li kien jinsab fih Simba. Bla ebda telf ta’ żmien, Mufasa jmur biex isalva lil Simba. Sfortunatament, hekk kif Mufasa jsalva lil ibnu Simba, hu stess isib ruħu f’periklu kbir, iggranfat mal-ġemb tal-gorge.  Mufasa jitlob l-għajnuna ta’ Scar iżda dan, minflok jgħinu, jimbuttah għal isfel. Riżultat tal-waqa’, Mufasa jmut.

    Scar jikkonvinċi lil Simba li kien hu l-kawża tal-mewta ta’ missieru u li jkun aħjar għalih li jitlaq għal kollox mis-saltna. Scar waqt li jordna lill-hyenas biex imorru wara Simba u joqtluh, imur jagħti l-aħbar li Mufasa u Simba kienu mietu t-tnejn u li issa kien hu, r-re. X’jiġri minn Simba? Ħajtu tinbidel għal kollox meta jiltaqa’ ma’ Timon, mungus żgħir  u Pumbas, qasqus salvaġġ li kienu jemmnu fil-motto “hakuna matata” (“tinkwieta xejn”).

    Film Amerikan, mużikali u mimli azzjoni, taħt id-direzzjoni ta’ Jon Favreau u kitba ta’ Jeff Nathanson. Film bi storja ħelwa u b’tagħlima, remake tal-film animat minn Disney fl-1994. Minħabba xi xeni tal-biża’ li jistgħu jaffetwaw lit-tfal,  ikun tajjeb li dawn ikunu akkumpanjati minn xi adult.