• Il-grawnd tal-futbol tal-Oratorju Qalb ta’ Ġesù fil-Mosta ġie inawgurat mill-President tal-Assoċjazzjoni għall-Futbol Malti (MFA) Bjorn Vassallo u tbierek mill-Arċipriet Dun Sebastian Caruana. Il-proġett sar b’investiment ta’ madwar €50,000 mill-MFA bil-kollaborazzjoni tal-Parroċċa tal-Mosta u Mosta Gunners Amateur Sports Club.

    L-MFA ffinanzjat biex isiru dawn ix-xogħlijiet fuq il-grawnd 6A-side: il-qligħ ta’ żewġ saffi ta’ turf sintetiku, tindif tal-kanali tal-ilma, tranġar u livellar tal-art qabel ma tpoġġa t-tapit il-ġdid tat-turf, tqegħid ta’ tapit sintetiku ġdid u tibdil tas-sistema ta’ dwal. L-MFA tat ukoll għajnuna fil-bini tal-club house għall-amministrazzjoni kif ukoll biex jitranġaw ix-showers, id-dressing rooms u t-toilets eżistenti.

    Min-naħa tagħhom il-Mosta Gunners Sports Club ħadu ħsieb il-kordinazzjoni u s-superviżjoni tax-xogħol fuq il-proġett mill-bidu sat-tmiem biex ix-xogħol li jsir ikun ta’ livell tajjeb. Sar ukoll xogħol volontarju mill-membri tal-klabb biex jittaffew l-ispejjeż.

    Biex iseħħ dal-proġett il-Parroċċa tal-Mosta (Oratorju Qalb ta’ Ġesù) fdat l-amministrazzjoni tal-grawnd lill-Mosta Gunners Sports Club għal 10 snin. Filwaqt li l-MFA se jkollha konċessjoni ta’ jumejn fil-ġimgħa għall-użu tal-grawnd biex jintlagħab league 6A-side tal-MASTERS (plejers ta’ 35+) għal 10 snin jew sakemm  il-wiċċ jibqa’ ta’ livell tajjeb.