Filmat: L-ewwel anniversarju mill-ordinazzjoni episkopali tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

  • Bħal-lum sena, 4 ta' Awwissu 2018, Mons. Joseph Galea-Curmi ġie kkonsagrat Isqof mill-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna, fil-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina.

    L-Isqof Galea-Curmi għażel il-motto: Ngħożżu l‑ħajja bl‑imħabba.

    “Il‑ħajja umana hi għażiża għax hija don ta’ Alla mogħtija lilna biex inħarsuha u nipproteġuha. Għalhekk ngħożżuha mill‑ewwel mument tat‑tnissil tagħha meta hi diġà ħajja umana, sat‑tmiem naturali tagħha. Imma ngħożżuha wkoll f’kull waqt u ngħożżu l‑ħajja ta’ kulħadd, anke ta’ min qiegħed f’nofs ta’ baħar jissielet biex jista’ jgħix, u ta’ min qiegħed għaddej minn tbatija waħdu jew qata’ qalbu mill‑ħajja.

    “U ngħożżu l‑ħajja billi nsostnuha bl‑imħabba fil‑ħajja ordinarja ta’ kuljum, fi kliemna, fl‑attenzjoni lejn xulxin, fil‑qadi tagħna kif uriena Kristu llum fl‑Evanġelju. Hi din il‑qalb miftuħa għal kulħadd u mimlija mħabba li tgħinna ngħidu kelma ta’ ġid u jkollna attitudni ta’ inkoraġġiment, ta’ kompassjoni, ta’ maħfra, u fl‑istess waqt naħdmu kontra dak kollu li joħloq il‑firda u jġib il‑mibegħda jew iweġġa’. Nixtieq li jkun dan l‑ispirtu ta’ mħabba li jmexxini dejjem fil‑missjoni tiegħi bħala isqof, u jgħinni biex inkun qaddej b’ħafna ferħ u serenità sal‑aħħar.”

    L-Isqof Galea-Curmi huwa d-disa’ Isqof Awżiljarju ta’ Malta. Minbarra li hu l-konsulent ewlieni tal-Arċisqof, hu wkoll responsabbli mill-ħtiġijiet pastorali u amministrattivi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.