• Nhar il‑Ġimgħa, 9 ta’ Awwissu 2019, jasal Malta mill‑Perù l‑Isqof Giovanni Cefai, l‑ewwel isqof Malti tas‑Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP). Din hi l‑ewwel żjara tiegħu f’Malta minn meta fit‑3 ta’ April li għadda l‑Papa Franġisku ħatru Isqof tal‑Prelatura Territorjali l‑ġdida ta’ Santiago Apóstol de Huancané, fil‑Perù.

    Fil‑bidu taż‑żjara tiegħu f’Malta, is‑Sibt, 10 ta’ Awwissu fl‑10:00 a.m., l‑Isqof Cefai ser jiċċelebra Quddiesa quddiem l‑inkwatru tal‑Madonna ta’ Pompej li jinsab fil‑Knisja tal‑Ġiżwiti, il‑Belt Valletta. Għal din l‑ewwel Quddiesa tiegħu f’Malta huma mistiedna l‑kappillani u s‑superjuri tal‑kunventi tal‑parroċċi tal‑Belt Valletta u l‑Furjana, is‑superjuri tal‑kunventi tas‑sorijiet, u saċerdoti u lajċi li ħadmu f’artijiet tal‑missjoni. Huwa se jkun akkumpanjat ukoll mis‑saċerdoti tas‑Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl.

    L‑Isqof Giovanni Cefai għażel li jiċċelebra l‑Quddiesa quddiem dan l‑inkwatru partikolari għaliex kien proprju quddiemu li fit‑8 ta’ Mejju 1898, fil‑festa tal‑Madonna ta’ Pompej, li Mons. Giuseppe De Piro, fundatur tas‑Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, iddeċieda li jibda t‑triq tas‑saċerdozju.

    L‑Arċisqof Charles J. Scicluna se jikkonċelebra f’Quddiesa Pontifikali mal‑Isqof Cefai, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta. Din ser issir il‑Ġimgħa, 30 ta’ Awwissu, fis‑7:00 p.m. Kulħadd huwa mistieden.

    Waqt iż‑żjara tiegħu f’Malta, l‑Isqof Giovanni Cefai se jiċċelebra quddies ukoll fil‑Knisja Parrokkjali ta’ Ħad‑Dingli, fil‑Bażilika ta’ Santa Elena u fl‑Oratorju MSSP f’Birkirkara, f’Dar San Ġużepp Santa Venera, fil‑Knisja Parrokkjali ta’ San Duminku l‑Belt Valletta, u fil‑Knisja Parrokkjali ta’ Wied il‑Għajn.

    Mons. Giovanni Cefai twieled iż‑Żebbuġ Għawdex fil‑5 ta’ Awwissu 1967 u ngħaqad mas‑Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl fl‑1984. L‑ordinazzjoni episkopali tiegħu saret fit‑22 ta’ Ġunju fil‑Katidral ta’ Arequipa, il‑Perù.


  • Ritratti: Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP)