'Kienet hemm': il-valur tal-preżenza - L-Isqof Awżiljarju

Quddiesa f’Lejlet il-Festa tal-Madonna ta’ Lourdes

  • L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi


  • Il-Knisja Parrokkjali, San Ġwann
    3 ta’ Awwissu 2019


    Fil-ġrajja tat-tieġ ta’ Kana li għadna kif smajna, hemm frażi qasira imma b’tifsira kbira: “Omm Ġesù kienet hemm” (Ġw 2:1). Ir-rakkont donnu jrid jitfa’ l-enfasi fuq il-preżenza ta’ Marija. Int u taqra l-Evanġelju, qisek aktar tistenna li taqra: Ġesù kien hemm u kien hemm ommu wkoll. Imma r-rakkont jgħid l-ewwel li omm Ġesù kienet hemm, u mbagħad li Ġesù kien mistieden ukoll flimkien mad-dixxipli tiegħu.

    Qisu r-rakkont mill-bidu qed jippreparana: omm Ġesù kienet hemm u issa araw x’se tagħmel, kif il-preżenza tagħha se tagħmel differenza. Fil-fatt hekk jiġri għax tkun hi li tinduna bin-nuqqas ta’ nbid u tindaħal bil-mod diskret tagħha biex tgħin u tinterċedi għall-għarajjes.

    Il-ġrajja tat-tieġ ta’ Kana seħħet fil-bidu tal-ħajja pubblika ta’ Ġesù meta, kif jgħid hu stess, “is-siegħa” tiegħu kienet għadha ma waslitx. Imma nixtieqkom tinnutaw li fl-aħħar ta’ ħajtu, naqraw l-istess kelmiet għal Marija taħt is-salib: kienet hemm. Hemmhekk ma setgħetx titkellem, imma kienet preżenza li taqsam it-tbatija ma’ binha, li did-darba kienet waslet is-siegħa tiegħu.

    Kull meta niltaqgħu magħha fl-Evanġelju, Marija hi dejjem preżenza sabiħa, preżenza li tagħmel differenza għall-aħjar.

    Preżenza sal-aħħar

    Fil-bidu tal-Knisja, meta l-appostli kienu miġburin flimkien fiċ-ċenaklu, naqraw ukoll li kienet hemm. Kienet preżenza li tgħaqqad flimkien il-Knisja fil-bidu tagħha.

    Kull meta niltaqgħu magħha fl-Evanġelju, Marija hi dejjem preżenza sabiħa, preżenza li tagħmel differenza għall-aħjar.


    Preżenza fil-ħajja tal-Knisja

    Meta qed niċċelebraw il-festa tal-Madonna ta’ Lourdes f’din il-parroċċa għażiża, qegħdin nitfgħu ħarsitna lejn il-ġrajja ta’ Lourdes fi Franza u ngħidu: “Omm Ġesù kienet hemm”. Għax Lourdes hi fuq kollox il-ġrajja tal-preżenza ta’ Marija li ftit qalet kliem imma li kienet preżenti u talbet lil Bernadette Soubirous biex tkun preżenti magħha. Fil-laqgħa ta’ Marija ma’ Bernadette, kienet preżenza tas-sinjura s-sabiħa.

    Marija kienet hemm imbagħad man-nies li nġabru f’Lourdes, u man-nies li baqgħu jinġabru hemm tul is-snin u jitolbuha l-għajnuna.

    Anzi nistgħu ngħidu dwar Lourdes – mhux biss Marija “kienet hemm” imma qiegħda hemm illum b’mod speċjali u tmiss il-ħajja ta’ tant nies li jmorru Lourdes biex jagħmlu esperjenza tal-preżenza ta’ din l-omm.

    Nixtieq li llum infaħħru u nirringrazzjaw lil Marija tal-preżenza tagħha fil-ħajja tal-Knisja tul is-snin. Tal-preżenza tagħha f’ħajjitna. Innutaw kif Ġesù tahielna bħala ommna meta kienet preżenti taħt is-salib, u tahielna biex il-preżenza li gawda hu tkun il-preżenza li ngawdu aħna f’ħajjitna. Nitolbuha lil Marija li aħna dejjem nagħrfu d-differenza li tagħmel il-preżenza sabiħa tagħha. Speċjalment fil-mumenti diffiċli f’ħajjitna, meta nkunu se nintrikbu mid-dwejjaq u n-niket tal-ħajja, meta nħossu li l-problemi huma tqal u kultant ħafna akbar minna, niftakru f’Marija li l-preżenza tagħha hi għalina ta’ sostenn. Nitolbuha għalhekk biex tkun magħna, biex aħna qatt ma nagħlqu għajnejna għall-preżenza tagħha.


    Preżenza bħal Marija

    Nixtieq ukoll li nagħmlu talba oħra. Mhux biss li Marija tkun preżenti f’ħajjitna imma li aħna wkoll inkunu nixbhuha, jiġifieri li l-preżenza tagħna tkun bħal dik ta’ Marija: preżenza sabiħa, li tferraħ, li tfarraġ, li tagħmel il-qalb, li xxerred il-paċi, li ġġib l-għaqda.

    Niftakru b’mod speċjali li diversi nies li jkunu għaddejjin minn tbatija fil-komunità l-aktar li jridu u li għandhom bżonn hu ta’ preżenza li taqsam magħhom din it-tbatija. Aħna kultant inħabblu moħħna x’se ngħidu u ninsew li l-preżenza ta’ mħabba twassal messaġġ ħafna aktar qawwi minn diversi kliem li nistgħu ngħidu. Din hi xi ħaġa li lkoll kemm aħna nistgħu nagħmlu – mhijiex għal xi grupp ta’ nies biss.

    Lourdes ifakkarna b’mod speċjali f’dawk li huma morda, dawk li huma weħidhom, dawk li għandhom vojt f’ħajjithom u jixxennqu għall-preżenza umana. Marija tfakkarna li l-preżenza tagħna ħdejn dawn in-nies hi meħtieġa. Dan hu l-ġieħ ta’ komunità Nisranija – kemm toħloq xibka ta’ mħabba u solidarjetà permezz tal-preżenza sabiħa ta’ diversi nies li qed jagħtu sehemhom bil-qalb fil-ħajja tal-parroċċa.


    “Nagħtuk imħabbitna, Madonna ta’ Lourdes”

    F’din il-festa tal-Madonna ta’ Lourdes, aħna u nkantaw l-innu popolari “Int xbejba bla mtiefsa, Int Ommna int Sidtna, Nagħtuk imħabbitna, Madonna ta’ Lourdes”, nitolbuha lil Marija: kun preżenti f’ħajjitna, għinna biex dejjem napprezzaw il-preżenza tiegħek, u għallimna bħalek inkunu preżenza sabiħa għal ta’ madwarna.


    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju