• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna


  • Il-Bażilika Minuri ta’ Santa Marija Mtellgħa s-Sema, il-Mosta

    15 ta’ Awwissu 2019

    Din is-sena ppermettuli naqsam magħkom ħsieb li f’dawn il-jiem qiegħed iberren f’moħħi u f’qalbi u nixtieq nisselfu biex niċċelebra magħkom b’sinifikat u b’sentiment profond l-Għid tal-Assunta.

    Meta nħares lejn il-gżejjer tagħna, lejn iż-żewġ djoċesijiet għeżież tagħna ta’ Malta u t’Għawdex, nifhem kemm missirijietna kellhom għal qalbhom din il-festa għażiża. Nistgħu ngħidu li l-parroċċi u l-knejjes iddedikati lil Sidtna Marija taħt it-titlu tal-Assunta huma ħafna. Din il-festa tiksi u żżejjen lill-gżejjer tagħna bil-ġieħ. Tajjeb nifhmu r-raġuni profonda għaliex għandna niċċelebraw b’ferħ kbir l-Għid tal-Assunta; għaliex għandna nifirħu b’dan il-privileġġ singulari li binha, l-Iben ta’Alla magħmul bniedem, għoġbu jżejjen bih lil Marija. Nistaqsu lilna nfusna: imma dak li qegħdin niċċelebraw kif jgħodd għalina? X’sinifikat għandu fid-dinja u fiż-żmien tal-lum?

    Din il-festa tiksi u żżejjen lill-gżejjer tagħna bil-ġieħ.

    L-ewwel nett aħna qegħdin niċċelebraw avveniment, m’aħniex qed niċċelebraw mit. It-tradizzjoni qawwija fil-poplu Nisrani hija li meta difnu lil Sidtna Marija, wara ftit sabu l-qabar tagħha vojt. Il-Knisja reġgħet għaddiet mill-istess esperjenza straordinarja, għalkemm fuq livell totalment differenti, ta’ meta fl-ewwel jum tal-ġimgħa, Marija Maddalena u nisa oħra twajbin marru ħdejn il-qabar tal-Imgħallem u jiskopru qabar vojt. 


    Is-salvatur ta’ Marija ta’ Nazaret

    It-tradizzjoni ma titkellimx fuq xi ħaġa li raw id-dixxipli imma l-persważjoni tagħhom kienet li l-omm, minn u bil-qawwa ta’ binha, ingħatat il-privileġġ tal-irxoxt mill-mewt. U l-ġisem tagħha bħal tiegħu, ma rax it-taħsir. Hi li kienet mingħajr dnub għaliex Alla ħarisha mid-dnub; hi li s-sensi tagħha użathom kollha f’għanja ta’ umiltà u ta’ radd il-ħajr lil Alla, użathom biex tkun ta’ servizz għall-umanità, ta’ sostenn għad-dixxipli. Dik li bħalma qalet il-mara fost il-folla kienet imbierka fil-ġuf tagħha u f’sidirha, imma kienet ukoll, kif qaltilha Eliżabetta imbierka fis-smigħ tagħha tal-Kelma u fl-għemil: “Hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej!” (Lq 1:45).

    Marija ta’ Nazaret, li rat lil binha jmut fuq is-salib, li rat li ndifen u li ferħet fil-qawmien mill-imwiet ta’ binha u fid-don tal-Ispirtu s-Santu mogħti lid-dixxipli tiegħu miġburin magħha f’Pentekoste, ma tarax f’ġisimha t-taħsir tal-mewt u tissieħeb fil-glorja ma’ binha bħalma se nissieħbu aħna fl-aħħar taż-żmien. 

    Id-distinzjoni bejn l-irxoxt tal-iben u tal-omm hija kbira ħafna għax l-iben iqum bil-qawwa tiegħu tal-Iben ta’ Alla, l-omm hija Assunta; l-irxoxt tagħha huwa l-opra ta’ ħniena ta’ binha fuq l-omm. Bir-raġun illum nisimgħu l-kliem meqjum u mirqum ta’ San Luqa meta Marija stess tkun l-evanġelista tal-ħniena ta’ Alla: “Għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.” (Lq 1:48).

    “L-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi” (Lq 1:47). Għal Marija, Alla huwa s-salvatur fit-tnissil bla tebgħa tagħha meta ħarisha minn kull tebgħa tad-dnub. Huwa s-salvatur meta ħares id-dinjità tal-maternità tagħha u llum idawwal moħħ Ġużeppi biex jilqagħha f’daru. Huwa s-salvatur tagħha meta reġa’ ta lil binha mitluf f’Ġerusalemm. Huwa s-salvatur tagħha meta għall-kelma meqjusa tagħha, binha stess jibda bl-ewwel sinjal tiegħu waqt it-tieġ ta’ Kana. Huwa s-salvatur tagħha għax hi mħarsa mid-dnub bil-merti tad-demm imqaddes ta’ binha msallab fuq is-salib. Hu s-salvatur tagħha f’dan il-misteru kbir li qegħdin niċċelebraw illum: il-ħarsien tagħha mit-taħsir tal-qabar u l-irxoxt tagħha mill-mewt.


    It-tama tagħna f’Marija

    Missierna San Pawl, bħalma jikkummenta l-kbir Papa Piju XII fl-Ittra Appostolika Munificentissimus Deus, jgħaqqad ħafna l-element tad-dnub mal-mewt. Meta nħarsu lejn Marija u naraw din il-mara mnissla bla tebgħa tad-dnub, imħarsa mit-taħsir tal-qabar u tal-mewt, aħna nħarsu lejn nfusna u narawna miksijin bil-ħtija tad-dnub u umiljati minħabba d-dgħufija tagħna. U meta nerfgħu ħsibijietna u qalbna lejha, aħna fiha naraw dik il-kewkba ta’ tama. Mhux ta’ b’xejn li fit-talba sabiħa tas-Salve Reġina, insejħulha “tama tagħna”: “Sliem għalik, Sultana, Omm tal-ħniena, ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik” (spes nostra, salve).

    It-tama tagħna hi li nintrefgħu minn dnubietna u li bħal Marija, kif u meta jrid il-Mulej, ngħaddu mill-mewt għall-ħajja. Missierna San Pawl fl-Ittra lill-Efesin, fis-silta li f’din il-festa kbira l-Knisja tħabbar fl-Ewwel Qari, ifakkarna li aħna konna mejtin bi dnubietna u ħtijietna; li fihom darba mxejna skont ix-xejra ta’ din id-dinja, skont il-kap tas-saltna tal-ajru, tal-ispirtu li bħalissa qiegħed jaħdem fost dawk li ma jisimgħux. Pawlu jgħid li “aħna wkoll għexna darba mgħarrqa fil-passjonijiet ta’ ġisimna; konna nagħmlu l-opri tar-rieda tal-ġisem u fehmietna; konna minna nfusna wlied il-korla, bħall-bqija tal-bnedmin” (Efes 2:3).

    Biex illum niċċelebraw verament u b’ferħ l-Għid tal-Assunta, irridu b’sens kbir ta’ verità u umiltà nagħrfu ħtijietna u l-bżonn radikali tagħna tal-ħniena ta’ Alla. Jekk inti ma tagħrafx din il-verità fuq l-istorja ta’ ħajtek u fuqek innifsek, allura ma tistax terfa’ ħarstek ’il fuq lejn Marija u minnha tieħu raġġ ta’ tama u raġġ safi ta’ mħabba qawwija li tagħmlek qaddis ta’ veru.

    … irridu b’sens kbir ta’ verità u umiltà nagħrfu ħtijietna u l-bżonn radikali tagħna tal-ħniena ta’ Alla.

    “Imma Alla,” jkompli l-Appostlu Missierna, “għani fil-ħniena tiegħu, bis-saħħa tal-imħabba kbira li biha ħabbna, meta aħna konna mejta minħabba fi dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu – bi grazzja intom salvi. Qajjimna miegħu u qegħedna fis-smewwiet ma’ Kristu Ġesù, biex juri fiż-żminijiet li ġejjin l-għana bla qies tal-grazzja tiegħu bit-tjieba li wera magħna fi Kristu Ġesù. Intom salvi bil-grazzja, permezz tal-fidi; u dan mhux bis-saħħa tagħkom, imma b’don ta’ Alla; mhux bl-opri, biex ħadd ma jiftaħar. Aħna ħolqien tiegħu, maħluqa fi Kristu Ġesù biex nagħmlu l-opri tajba li Alla ħejjielna minn qabel li għandna nagħmlu” (Efes 2, 4-10).

    Dan huwa rifless ta’ dak li jgħid il-Mulej stess fl-Evanġelju. Meta tkunu temmejtu dan kollu għidu: Aħna qaddejja battala, għamilna biss dak li kellna nagħmlu” (Lq 17:10). L-Appostlu Missierna qed jgħallimna l-għerq ta’ kull intenzjoni retta, meta aħna nagħrfu dnubietna la nintefgħu fl-abbiss tad-disperazzjoni u lanqas inċedu għat-tentazzjoni tal-ħażen li Satana jridna nitbiegġdu minn Alla. Imma b’umiltà, bħal dak il-Pubblikan li baqa’ fuq wara tat-tempju, ngħidulu: “O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!” (Lq 18:13). B’dawn il-kliem, aħna nħarsu ’l fuq u ngħidu lil Marija biex issejħilna u tistedinna biex nintrefgħu mill-madmad tal-ħażen u nilqgħu fuqna l-madmad ħelu ta’ binha u nitgħallmu minnu, li hu “ta’ qalb ħelwa u umli”.


    Il-kobor taċ-ċokon ta’ Marija

    Mhux ta’ b’xejn li Marija għarfet iċ-ċokon tagħha u tagħna l-bnedmin. Imma dan l-għarfien għaliha ma kienx motiv ta’ swied il-qalb imma ta’ ferħ f’Alla, is-salvatur tagħha, li jerfagħha: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi” (Lq 1, 46-47). Jekk illum għandna bżonn nifirħu tassew, irridu nagħrfu li qegħdin niċċelebraw opra oħra, anzi, kapolavur tal-ħniena ta’ Alla; opra kbira tas-salvazzjoni tiegħu. Waħda minna, dik li f’isimna qaltlu “ħa jsir minni skont kelmtek,” illum, Omm Alla, Assunta, hi mgħollija fuq is-sħab tal-anġli fil-glorja tas-sema’.

    Aħna li qegħdin ngħixu f’dan il-wied tad-dmugħ, u li ħafna drabi ttentati naqtgħu qalbna mir-rebħa tas-sewwa, mir-rebħa tal-grazzja fuq id-dnub, illum niġġeddu fil-fehma li Alla, li huwa s-sid tal-istorja, jaf imexxi dak li jidhrilna li huwa mgħawweġ għall-ġid tagħna wkoll.

    Jekk xi ħadd jistaqsikom jekk tafux li l-isqof tagħkom huwa midneb, għidulu li iva, tafu. Anzi, fil-bidu tal-quddiesa hu stess jistqarr “li jidneb bil-ħsieb, bil-kliem u bl-għemil u bin-nuqqasijiet tiegħu”. U għidulu li aħna miegħu wkoll. Aħna hemm bżonn nagħrfu l-konvinzjoni vera tagħna biex ikollna bżonn il-faraġ u nilqgħu l-ferħ li trid tagħtina din il-festa.

    Għaliex il-Mulej ma ġiex isalva lil min jidhirlu li huwa ġust, imma ġie jistieden lil midneb għall-indiema.

    Illum, Sidtna Marija ma tħarisx lejn minn hem fuq ghal isfel biex tħallina fil-miżerja tagħna, ma tħalliniex nghumu fid-disperazzjoni ta’ dan il-wied tad-dmugħ, imma tgħidilna li s-sema hi pajjiżna, inħarsu lejha u nagħmlu kuraġġ.

    Nixtieq li flimkien miegħi, intom ukoll issellmulha bit-talba tas-Salve Regina:

    Sliema għalik, Sultana, Omm tal-ħniena,
    ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik,
    lilek ingħajtu għaliex aħna tturufnati wlied Eva.
    Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu
    f’dan il-wied tad-dmugħ.
    Ejja, mela, avukata tagħna:
    dawwar lejna dawk l-għajnejn tiegħek tal-ħniena.
    Urina wara dan it-turrufnament lil Ġesù,
    frott imbierek tal-ġuf tiegħek,
    o ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

    Viva Santa Marija!

     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta  


     

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Apok 11, 19a, 12: 1-6a. 10ab
    Salm: 44
    Qari II: 1 Kor 15: 20-26
    Evanġelju: Lq 1:39-56

  •