• Qari tal-jum
  • L-Ewwel Qari: 1 Tess 4, 9-11
    Salm: 97 (98), 1, 7-8.9

    L-Evanġelju: Mt 25, 14-30

  • F’dak iż-żmien, Ġesù qal din il-parabbola lid-dixxipli tiegħu: “Għax dan bħal wieħed li kien se jsiefer, u sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom. Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skont il-ħila tiegħu. U siefer. Dak li kien ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom u qala’ ħamsa oħra. Hekk ukoll dak li kien ħa tnejn qala’ tnejn oħra. Iżda dak li ħa wieħed mar ħaffer fl-art u ħeba flus sidu.

    Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġa’ lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom. Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti u ġieblu ħames talenti oħra. Qallu: “Sinjur, ħames talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”. Resaq ukoll dak li kien ħa żewġ talenti, u qallu: “Sinjur, żewġ talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt tnejn oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”. Iżda resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal: “Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art: hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek”.

    Qabeż is-sinjur u qallu: “Qaddej ħażin u għażżien, kont taf li jien naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx. Mela kien imissek mort qegħedt flusi l-bank biex, meta niġi, kont immur niġborhom bl-imgħax. Ħudulu mela t-talent u agħtuh lil dak li għandu l-għaxar talenti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu ż-żejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. U lil dan il-qaddej bla fejda itfgħuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien””.