• ***

    Direttur:          Ry Russo-Young

    Atturi:              Yara Shahidi, Anais Lee, Charles Melton, John Leguizamo, Gbenga Akinnagbe, Miriam A. Hyman, Jordan Williams, Jake Chai, Keong Sam u Cathy Shim

    Ħin tal-Film:    100 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                             12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                  12

    Natasha hi tfajla ta’ sbatax-il sena. Għalkemm preżentament qegħda tgħix ġewwa New York, il-futur tagħha hu inċert. Il-familja tagħha li immigrat lejn l-Amerika illegalment xi ftit snin qabel, irċeviet ordni ta’ diportazzjoni mid-DUI, l-awtorità li tikkontrolla d-dħul u l-ħruġ ta’ min jkun jista’ jgħix fl-Amerika u din l-ordni kellha sseħħ f’qasir żmien. Natasha tħawwdet sew għaliex kienet kuntenta ħafna li tkompli tgħix fil-belt ta’ New York. Kien hemm biss erba’ u għoxrin siegħa biex Natasha tipprova treġġa’ lura din l-ordni. Għal dan il-għan kienet determinata li tagħmel xi ħaġa.

    Sadanittant, fl-istess jum, Daniel, żagħżugħ ta’ sbatax-il sena kien jinsab taħt pressjoni mill-familja tiegħu mill-Korea t’Isfel biex isir tabib. Qabel ma kellu jagħmel intervista biex ikun jista’ jiġi aċċettat fil-Kulleġġ ta’ Yale, Daniel kien jinsab fi triqtu biex jaqta’ xagħru. Natasha min-naħa tagħha kienet sejra lejn l-uffiċċju tal-immigrazzjoni biex tkellem aġent li min-naħa tagħha indirizzata biex tkellem lill-avukat tal-immigrazzjoni, Jeremy Fitzgerald. Fi triqtha biex tiltaqa’ mal-avukat, fit-tren, Natasha tiġbed l-attenzjoni ta’ Daniel li kien ukoll fl-istess vagun. Hemm innota l-ġakketta li kienet liebsa Natasha bil-kliem DEUS EX MACHINA.

    Daniel jipprova jibda konverżazzjoni magħha iżda f’dak il-ħin, hi ma kellhiex moħħ ħlief li tipprova ssolvi l-problema il-familja kienu qegħdin jaffaċċjaw. Daniel iżda ma jaqtgħax qalbu għaliex messaġġ fuq il-PA system mill-kunduttur tat-tren meta din waqfet għal ftit minuti, ta messaġġ biex kif hu kien sab lil Alla, huma jagħmlu l-istess. Daniel jagħmel kuraġġ u jkellem lil Natasha li għalkemm moħħħa ma kienx hemm, qaltlu li hi kienet persuna li tafda r-raġuni, x-xjenza u l-loġika. Hu, min-naħa tieghu ammetta li hu kien aktar jorbot ħajtu ma’ fedeltà, kreattività u passjoni. It-tnejn jiddeċiedu li jqattgħu ftit tal-ħin flimkien b’riżultat li t-tnejn isiru jafu aktar lil xulxin. X’jiġri minn hawn? Tgħid jirnexxilha Natasha tibqa’ tgħix f’New York? U Daniel sejjer ikompli jwettaq il-ħolma tal-ġenituri tieghu li jsir tabib?

    Film bi storja romantika ta’ mħabba li tiżviluppa bejn żewġ żgħażagħ f’ġurnata. Id-direttur tal-film hu Ry Russo-Young u kitba ta’ Tracy Oliver msejjes fuq in-novella miktuba minn Nikola Yeon. Film tajjeb ħafna, b’messaġġ pożittiv fejn joħroġ tajjeb il-ġenwinità ta’ mħabba sinċiera.