• Il-Papa Franġisku ħatar lill-Monsinjur Antoine Camilleri bħala Arċisqof titulari ta’ Skálholt u Nunzju Appostoliku. Sal-lum Mons. Camilleri kien qed iservi bħala sotto-segretarju tas-Santa Sede, responsabbli mir-relazzjonijiet mal-istati.

    Mons. Antoine Camilleri twieled tas-Sliema fl-20 ta’ Awwissu 1965. Ġie ordnat saċerdot fil-5 ta’ Lulju 1991 u huwa inkardinat f’Malta. Iggradwa fil-Liġi u d-Dritt Kanoniku u daħal fis-servizz diplomatiku tas-Santa Sede fid-9 ta’ Jannar 1999. Huwa ta servizz fil-Papa New Guinea, l-Uganda, Kuba kif ukoll fit-taqsima responsabbli mir-relazzjonijiet mal-istati tas-Segreterija tal-Istat. Fit-22 ta’ Frar 2013, Mons. Camilleri nħatar sotto-segretarju tas-Santa Sede, responsabbli mir-relazzjonijiet mal-istati.