• Il-Ħadd l-1 ta’ Settembru ngħata bidu għall-Kapitlu Ġenerali Ordinarju 2019 tal-Ordni Agostinjana permezz ta’ quddiesa fil-Bażilika ta’ Santu Wistin Ruma. Dan ser ikun il-186 Kapitlu Ġenerali u ser jinżamm fil-kurja Ġenerali tal-Ordni biswit il-pjazza ta’ San Pietru.

    Fl-ewwel jum tal-Kapitlu l-Arċisqof Charles Scicluna li anima waħda mill-ewwel sessjonijiet fejn kellem lill-Kapitulari dwar il-protokoll li jipproteġi n-nies vulnerabbli f’kull ċirkoskrizzjoni tal-Ordni madwar id-dinja.

    Il-Kostituzzjonijiet tal-Ordni Agostinjana jindikaw li l-“Kapitlu Ġenerali, li huwa msejjaħ biex jippromwovi l-ġid komuni tal-aħwa reliġjużi, huwa l-avveniment prinċipali fil-ħajja tal-Ordni, għax għandu joffri xhieda tal-Ispirtu Agostinjan waqt li joħroġ b’mod ċar l-għaqda tal-imħuħ u l-qlub. Għaldaqstant, konxji minn din ir-responsabbiltà, il-membri kollha tal-Kapitlu għandhom ifittxu l-ġid komuni tal-Ordni. (Kost. 408)

    Fil-Kapitlu Ġenerali, li jsir kull sitt snin, qed jipparteċipaw madwar mitt reliġjuż minn aktar minn 50 pajjiż madwar id-dinja. Malta qed tkun rappreżentata mill-Provinċjal P. Leslie Gatt u mill-Kunsillier Provinċjali P. Franco Grech.

    Barra mill-elezzjoni tal-Pirjol Ġenerali u l-uffiċjali l-oħra tal-Ordni, il-Kapitlu ser ikun qed jiddiskuti:

    • Il-Vokazzjonijiet
    • Il-Pjan tal-Formazzjoni tal-kandidati ġodda fl-Ordni
    • L-Ekonomija u l-ġid komuni
    • L-Istrutturi tal-Ordni.

    Il-Papa Franġisku ser jiltaqa’ mal-membri tal-Kapitlu nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Settembru. Il-Kapitlu Ġenerali jiġi fi tmiemu l-Erbgħa 18 ta’ Settembru.