• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja ta’ San Pawl tal-Ħġejjeġ, San Pawl il-Baħar
    1 ta’ Settembru 2019

    Ejjew nistaqsu lilna nfusna dalgħodu: il-Mulej xi jrid jgħallimna? Dak li għamel u qal waqt din l-ikla li għaliha kien mistieden. Kien mistieden għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu. Kulħadd kien attent fuq x’se jagħmel Ġesù u x’se jgħid. Imma hu wkoll kien qed jinnota x’kien qed jiġri u nnota dak li ħafna drabi nagħmlu aħna wkoll: kulħadd jipprova jagħżel l-aħjar post. Ma tlum lil ħadd. Aħna l-Maltin m’aħniex famużi biex inżommu kju. Hemm wieħed biss kieku nħobbu nqabżu fih: dak ta’ meta jsejħilna, dak inqabżu. ‘Għaddi inti qabli.’ Jiena fil-fatt ngħidlu: meta naslu f’dak il-kju, ngħidlu: ‘meta trid int, imma m’inix mgħaġġel’. Qed ngħid għall-kju tal-mewt.

    Min hu ossessjonat li jrid jilħaq l-ewwel, li trid tgħaddi dejjem tiegħu, li dejjem għandu raġun, ma jkollu paċi qatt għax kullimkien jara l-kuntrarju.

    Dak kulħadd iqabbeż. Imma arana qed nistennew il-karozza tal-linja, jew anki tkun barra minn Malta biex nirkbu t-trejn. Anzi kultant tinduna li qegħdin hemmhekk aħna. ‘Is’, is’, isa…’ ma nħarsu lejn ħadd. Għaliex? Għaliex inti trid titgħallem toqgħod pass lura, mhux se tgħallimhielek in-natura. Bħalma inti trid titgħallem biċċa ħobż taqsamha ma’ ħutek. Kultant meta nirrifletti fuq it-tfal li tegħlin llum f’familji żgħar, nifhem għaliex ħafna drabi jridu jitgħallmu, trid tagħmel sforz iktar biex tgħallimhom jaqsmu.

    Ilbieraħ kont qiegħed in-Naxxar u fakkarthom kemm nbidlet anke l-esperjenza fil-familja f’Malta. Fakkarthom il-papa kienu 14 aħwa, il-mama kienu disgħa, jiġifieri dawn bla ma riedu tgħallmu li biċċa ħobż trid taqsamha ma’ ħaddieħor. Jekk hemm xi ħaġa tajba ma tistax tikolha kollha inti għax jiġu t-13-il ħutek l-oħra jippretendu. Illum it-tfal tagħna għandhom bżonn sforz ikbar biex jitgħallmu dak li qed jipprova jgħallimna Ġesù fl-Evanġelju, anke pass lura fil-ħajja.

    U Ġesù li ħafna drabi jitlobna affarijiet strambi, jitlobhomlna biex ikollna l-ikbar teżor li hija l-paċi f’qalbna. Min hu ossessjonat li jrid jilħaq l-ewwel, li trid tgħaddi dejjem tiegħu, li dejjem għandu raġun, ma jkollu paċi qatt għax kullimkien jara l-kuntrarju. U Ġesù jifhem li din il-ħaġa rridu nitgħallmuha, bħalma trid titgħallem li meta tagħmel xi ħaġa ta’ ġid, ma tippretendi xejn, lanqas grazzi.

    Iż-żewġ affarijiet li jgħallimna llum: l-umiltà u l-intenzjoni retta jiġifieri dik li inti tagħmel xi ħaġa ta’ ġid u ma tippretendi xejn, huma affarijiet li hemm bżonn nitgħallmuhom. Ħadd ma twieled umli, ħadd ma twieled u jitwieled kulma jagħmel jagħmlu mingħajr ma jistenna grazzi. Ġesù stess nnifsu ppretenda l-gratitudni ta’ dawk l-10 lebbrużi, avolja wieħed biss qallu grazzi. Mhux qed ngħid li l-gratitudni mhix xi ħaġa qaddisa u sabiħa, imma l-Mulej irid jgħallimna triq ta’ paċi kbira.

    L-Ewwel Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak – huwa wieħed mill-kotba tal-għerf, għerf kbir – jitkellem fuq min hu mkabbar u jgħid li ma jista’ qatt ikollu duwa: “M’hemmx duwa għall-bniedem kollu kburija” (Sir 3:28). Aħna l-Maltin ngħidu minfuħ bin innifsu, miskin. Il-Kelma t’Alla tgħidilna kemm inkunu msieken meta naħsbu li ħadd ma jista’ għalina, li aħna l-aqwa u l-ikbar. Kollox frugħa! Il-kburija, jgħid l-Ewwel Qari li smajna llum, hija “ħaxixa ħażina b’għeruqha mxenxla fih” (Sir 3:28) u l-umiltà rridu nitgħallmuha.     

    Persuna umli, biex nikkwota lil San Ġorġ Preca, tgħum f’baħar ta’ paċi.

    Ħalli nkomplu billi nagħmlu rassenja ċkejkna u kulħadd jista’ jżid magħha matul il-ġurnata. Kif tinduna li bniedem huwa tassew umli? Bniedem li jaf jagħtik raġun, meta għandek ovvjament. Bniedem li ma jiddejjaqx jammetti li żbalja. Persuna li tifraħ bil-ġid ta’ ħaddieħor. Persuna li tinkwieta għall-ħażen jew xi disgrazzja li ġrat lil ħaddieħor. Persuna umli tisma’, mhux titkellem hi biss. Persuna umli, biex nikkwota lil San Ġorġ Preca, tgħum f’baħar ta’ paċi. Persuna umli tixbah ħafna lil Ġesù li qalilna: “Jien ta’ qalb ħelwa u umli”. Persuna umli taf tgħid grazzi. Persuna umli taf tgħid jekk jogħġbok. Persuna umli taf tgħid aħfirli. Persuna umli tfaħħar lil Alla għax aħna ma ġibna xejn u m’aħna se nieħdu xejn magħna. Persuna umli titbissimlek u qatt ma tidħak bik. Persuna umli l-ħarsa tagħha hija dejjem ħarsa safja.

    Kif inġibuha din l-umiltà? Bit-training. Meta taqbżilna, ngħidulu: ‘Mulej qabżitli, aħfirli’. Il-Mulej jara l-umiltà tagħna, jigglorifikana Hu.

     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta 
  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Sir 3, 17-20.28-29
    Salm: 67 (68), 4-5aċ. 6-7ab. 10-11
    Qari II: Lhud 12, 18-19. 22-24a
    Evanġelju: Lq 14, 1.7-14