• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Arċipretali tat-Twelid tal-Verġni Marija, il-Mellieħa
    7 ta’ Settembru 2019

    Ikollu xi ħadd minkom jistaqsini: ‘imma għaliex qegħdin nagħmlu din il-festa llum? X’inhu l-ħsieb profond li tfakkarna?’ Inħoss li risposta tajba, adegwata tista’ tkun propju l-aħħar frażi ta’ dan l-Evanġelju li qara d-djaknu minn San Mattew: “Ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimannu-El li bi lsienna jfisser ‘Alla magħna’.” (Mt 1:23)

    Il-poplu Malti dejjem, b’mod speċjali wara l-Assedju l-Kbir tal-1565 imbagħad b’mod speċjali meta bħal-lum fl-1943 il-flotta Taljana kkapitulat propju fil-Port il-Kbir tagħna, minn dejjem għaqqad din il-festa ma’ sinjal ċar li għalkemm il-Mulej fl-istorja, fin-narrattiva li tagħmilna dak li aħna u li tagħmilna poplu, għaddiena minn mumenti ta’ diffikultajiet mhux żgħar, imma Alla kien dejjem Alla magħna, mhux Alla mbiegħed.      

    Dawk il-familji kollha li fix-xelters fi żmien il-gwerra dinjija kienu mbeżżgħin, imregħdin, itturufnati jitolbu r-rużarju, ma kinux marbuta biss ma’ superstitizzjoni imma kienu marbuta ma’ fidi antika b’għeruq profondi li Alla huwa magħna, li ismu mhux biss Għimmanu-El imma Jeshua – Alla jsalva, Alla Salvatur.

    Dawn iż-żewġ ismijiet daħlu fil-profond tal-immaġinarju kollettiv tagħna u huma parti mis-sinsla li tagħmilna min aħna. Il-persważjoni li Pawlu, l-appostlu Missierna laqqagħna ma’ Alla, għax aħna kellna allat qabel, kemm irridu, bil-gzuz u għalihom bnejna tempji kbar, imma Pawlu l-Appostlu Missierna laqqagħna ma’ Alla li huwa Salvatur, ma’ Alla li huwa magħna, mhux imbiegħed. Ma jsalvaniex kif inħobb ngħid liż-żgħażagħ bir-remote control, imma sar wieħed minna. La bagħat kummissjoni u lanqas ambaxxatur, imma ġie hu, l-Iben t’Alla. 

    It-twelid ta’ ommu huwa din it-tieqa miftuħa fuq din ir-realtà kbira, għaliex m’hemm ebda iben li m’għandux omm u l-omm hija omm minħabba l-iben. Aħna llum qegħdin nifirħu fit-twelid ta’ din iċ-ċkejkna tarbija, tifla, minn żewġ ġenituri li t-tradizzjoni tgħidilna kienu Anna u Ġwakkin, u qed nifirħu għaliex twieldet Omm il-Feddej.

    Disa’ xhur ilu, fit-8 ta’ Diċembru, aħna fraħna fit-tnissil tagħha. Nagħmlu hekk ukoll għal binha; fil-25 ta’ Diċembru niċċelebraw it-twelid tiegħu u disa’ xhur qabel, fil-25 ta’ Marzu niċċelebraw it-tnissil tiegħu. U dan huwa wkoll privileġġ tal-mamà ta’ Ġesu li bħalma nagħmlu għal binha nagħmlu anke għaliha, li aħna ċerta kalendarju preċiż preċiż għax in-natura ma tantx hi daqshekk preċiża preċiża – jgħallimna l-President. Imma nikkalkulaw disa’ xhur u l-istatement huwa ċar: din it-tifla li twieldet illum tnisslet disa’ xhur ilu. Min irid statement antik tal-fidi tagħna bid-dinjità tal-ħajja umana sa mit-tnissil tagħha, jifhem li aħna niċċelebraw it-tnissil tal-Iben u t-tnissil ta’ ommu. Imma niċċelebraw ukoll it-twelid tal-Iben u t-twelid ta’ ommu disa’ xhur ilu. Hawn min jgħidlu tabù dan. Ippermettili ngħid li jgħidu x’jgħidu, it-talba tiegħi bl-interċessjoni tal-Madonna hija li aħna nibqgħu persważi bid-dinjità ta’ kull ħajja umana sa mit-tnissil tagħha.

    Għax fl-1565, fl-1943, aħna konna qed nikkonfrontaw għedewwa ħa nsejħilhom fiżiċi. It-taqtigħa kienet tremenda, kiefra; imma llum ukoll għandna sfidi kbar. Għandna sfidi kbar li jippruvaw jisirqulna mhux biss dak li għamilna min aħna, imma wkoll id-dinjità tagħna bħala bnedmin. Għax li temmen li tarbija tibda tgħix mit-tnissil mhix kwistjoni ta’ reliġjon Kattolika, hija kwistjoni ta’ xjenza. M’iniex qiegħed hawn nirrepeti d-domma tal-fidi għax il-fidi tgħallmek tħares lejn l-affarijiet li ma tistax tarahom. Imma jiena qed insellem il-kontribut tax-xjenza li tgħallimni li dak li niċċelebraw huwa vera.

    X’inhuma dawn l-ismijiet kollha strambi li smajna llum? (ara Mt 1:12-16). Huma verżjoni – għax hemm tnejn differenti – tal-arblu tar-razza ta’ Ġesù. Mattew li kiteb għall-komunità Lhudija ried jinsisti li t-tifel ta’ Marija, anzi t-tifel ta’ Ġużeppi, kien nisel David u nisel Abraham; kien wieħed mill-poplu Lhudi. Issa f’din il-lista hemm qaddisin imma hemm ukoll kriminali kbar, u tfakkarni dak li aħna ngħidu fit-talba antika tat-Te Deum: “Ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ verġni”. Rajtna u rajt is-sbuħija tagħna, rajtna kemm infuħu u kif ngħiduha kemm nintnu, imma ma stmerrejtniex, ma tqażżiżtx issir wieħed minna għax inti Alla magħna.

    Il-Papa aċċetta li Malta u Għawdex il-Bambina tkun solennità, l-ogħla grad ta’ festa li għandna fil-Knisja. Hekk biex jekk tiġi l-Ħadd ma nitilfuhiex

    Fit-twelid ta’ dik it-tarbija aħna niċċelebraw dan Alla li tant iħobbna li ma jiskandalizzax ruħu, la bid-difetti tagħna, la bid-dnubiet tagħna u lanqas bl-insuċċessi tagħna. Imma jaħjina, jerfagħna billi jsir wieħed minna, u llum niċċelebraw it-twelid ta’ dik li ġiet magħżula sa mit-tnissil tagħha li tkun ommu, għamara l-iżjed sabiħa.

    U din is-sena bħalma għamilna erba’ snin ilu, bl-ogħla awtoritajiet tal-Istat, qegħdin f’dan il-post qaddis għall-memorja Marjana fil-Gżejjer tagħna. Għax hawnhekk għandna dik li x’aktarx hija l-eqdem xbieha tal-omm u l-iben, propju mpittra fuq il-blat u miktub madwarha l-kliem: ‘Mater ‘Dei – mhux għall-isptar  – imma għax hi omm Alla.

    Il-Papa ddeċieda, wara li aħna l-Isqfijiet – jiena, l-Isqof Mario u l-Isqof Joseph – tlabnieh u aċċetta li Malta u Għawdex il-Bambina tkun solennità, l-ogħla grad ta’ festa li għandna fil-Knisja. Hekk biex jekk tiġi l-Ħadd, ma nitilfuhiex, bħalma kieku konna se nagħmlu din is-sena. Jiena nixieq nawgura lill-membri ta’ din il-parroċċa għażiża, festa sabiħa u nixtieq – għalhekk ma semmejtux fil-bidu – insellem lir-rappreżentant tal-Papa. 

    Eccellenza, voglio concludere questa mia breve riflessione con un particolare saluto alla sua persona come Nunzio Apostolico e al Papa Francesco che in questi giorni sta in un pellegrinaggio in Africa, e voglio chiedere a vostra eccellenza di portare la gratitudine di noi popolo Maltese e Gozitano per la decisione del Papa di concedere alla provincia ecclesiastica Maltese di poter celebrare in tuttte le chiese questa celebrazione della nascita della mama di Gesù come solennità.

    Il-fatt li aħna niftħu qalbna, moħħna, djarna, pajjiżna għal ħaddieħor li ġej minn kultura differenti, ma jfissirx li aħna ninsew minn fejn ġejna jew min aħna

    U għalhekk lin-Nunzju qed nitolbu jwassal il-gratitudni tagħna għaliex din il-festa hija għażiża anke fl-istorja tagħna, dejjem tfakkarna fl-għeruq tagħna. U meta l-Maltin kienu qed ifittxu li jkollhom id-drittijiet tagħhom u l-jedd tagħhom f’idejhom, dejjem ftakru f’din il-ġurnata bħala l-ġurnata li tagħmilhom dak li huma. Mhux biex tagħlaqna bejn l-erba’ ħitan ta’ djarna imma min mhux konxju mill-identità tiegħu, ma jistax jilqa’ lil ħaddieħor. Il-fatt li aħna niftħu qalbna, moħħna, djarna, pajjiżna għal ħaddieħor li ġej minn kultura differenti, ma jfissirx li aħna ninsew minn fejn ġejna jew min aħna, imma dan jista’ jsir, din il-laqgħa tista’ ssir, jekk aħna nagħrfu l-għeruq tagħna kemm huma profondi. U jien nitlob l-interċessjoni ta’ Marija biex l-għeruq tagħna tibqa’ taħsilhom bl-imħabba u l-ħarsa tagħha. 

     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta 

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Mikea 5:1-4a
    Salm: 12
    Qari II: Rum 8:28-30
    Evanġelju: Mt 1:1-16. 18-23