• ****

    Direttur:          Pedro Almòdivar

    Atturi:              Antonio Banderas, Asier Etxeandia, Leonardo Sbaraglia, Nora Navas, Julieta Serrano, Penélope Cruz, Raul Arèvalo u Susi Sàchez

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

    Il-film hu rakkont ta’ serje ta’ avvenimenti li għadda minnhom, id-direttur tal-films, Salvador Mallo matul is-snin. Issa li jinsab fl-aħħar snin ta’ ħajtu, xi ftit minnhom huma avvenimenti li kellhom x’jaqsmu ma’ ħwejjjeġ materjali u oħrajn ma’ tifkiriet tat-tfulija fil-bidu tas-snin sittin meta flimkien mal-familja tiegħu emigraw lejn Paterna fit-tfittxija għal prosperità. Salvador ukoll kien iħobb jiftakar fl-ewwel esperjenzi tal-ewwel imħabba li kien sab f’Madrid fis-snin tmenin, iżda wkoll meta din ir-relazzjoni ta’ mħabba ġiet fix-xejn.  Salvador ukoll ma setgħax jinsa’ it-terapija li għadda minnha u l-impossibilita’ li hu jkompli jiffilmja.

    Id-direttur tal-films, Salvador Mallo, kien jinsab fi tmiem il-karriera tiegħu minħabba mard kemm fiżiku kif ukoll mentali. Hu jagħmel żjara lil Alberto Crespo, il-protagonista ta’ wieħed mill-ewwel films li kien idderiġa u li għall-aħħar tletin sena ma kienx kellmu aktar minħabba t-tilwima li kellhom bejniethom. Din il-laqgħa kienet il-bidu ta’ rikonċiljazzjoni bejniethom li fiha Crespo introduċih għat-tipjip tal-eroina. L-effett tal-eroina fakkar lil Salvador f’xi esperjenzi li kellu meta kien għadu tifel meta flimkien ma’ missieru u ommu Jaċinta kien beda jgħix ġewwa appartament li fil-fatt kien daħla ta’ għar. Salvador ukoll ftakar fl-esperjenza li kellu meta għall-ewwel darba kien ra raġel għeri, raġel li kien jiġi jagħmel xi xogħol  ta’ tikħil u tibjid fl-appartament.  

    L-effett ta’ din l-esperjenza, wara ftit taż-żmien, effettwat l-imġieba tiegħu fl-omosesswalità. Crespo joħloq monologu għal fuq il-palk ta’ memorji ta’ Salvador u li fih issemma Federico, l-ħabib omosesswali li nzerta wkoll kien fost l-udjenza. Federico fil-fatt iżżewweġ u issa għandu tfal adulti. Federico jagħmel żjara lil Salvador u r-riunjoni kważi platonika, it-tnejn jinfirdu darba għal dejjem b’mod ta’ ħbieb tal-qalb. Għalkemm Salvador kien jinsab diżappuntat u anke mweġġa’, ikompli jirreżisti l-kilba li kellu għall-eroina u drogi oħra. Memorja oħra li Salvador ġab quddiem għajnejh kienet dik ta’ ommu anzjana li takkużah li kien abbandunaha. Qabel ma Salvador jipprova li juri li wara kollox hu kien iħobbha ħafna, ommu tmut fl-isptar għalkemm xtaqet li tmut fejn għexet. Film Spanjol b’sottotitoli bl-Ingliż, taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Pedro Almodovar. Minħabba t-tema tal-film kif ukoll l-użu ta’ droga, kliem goff u xena ta’ għera, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.