Artal li bih inkomplu ninbnew bħala komunità ħajja u magħquda – L-Isqof Awżiljarju

Quddiesa u Konsagrazzjoni tal-artal fil-Knisja tad-Duluri, il-Ħamrun

  • L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi


  • Il-Knisja tad-Duluri, il-Ħamrun
    14 ta’ Settembru 2019

    Illum hi festa speċjali f’din il-knisja ddedikata lid-Duluri hawnhekk il-Ħamrun. Il-konsagrazzjoni ta’ dan l-artal ġdid hi ċelebrazzjoni sabiħa tal-komunità li tiltaqa’ f’din il-knisja. Nixtieq nirringrazzja lill-Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Gejtanu Dun Walter Cauchi, nirringrazzja lir-Rettur Dun Timon Mercieca tal-ħidma pastorali li qed jagħmel f’din il-komunità b’dedikazzjoni kbira, u miegħu wkoll lil Mons. Anton Gouder, li jqaddes hawnhekk regolarment u rrid ukoll insellem u nirringrazzja lil Dun Salv Vella, li għal snin twal kien jagħti s-servizz tiegħu hawnhekk, u li llum qiegħed magħna wkoll u llum hu residenti d-Dar tal-Kleru. Kemm hu sabiħ meta tkun ħdimt bis-sħiħ u tara din il-ħidma tagħti l-frott!

    Il-konsagrazzjoni tal-artal il-ġdid hi okkażjoni biex aħna nfaħħru lil Alla l-Missier u nirringrazzjawh talli jiġborna flimkien magħqudin ma’ Kristu Ibnu bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu li jqaddisna, u nagħtu lil Alla l-qima li jistħoqqlu. Hi okkażjoni b’messaġġ sabiħ għalina. Nixtieq insemmi erba’ siltiet li fil-fatt insibuhom fit-talba tal-konsagrazzjoni ta’ dan l-artal:

    Sinjal ta’ Kristu

    “Tkun din l-irħama mirquma sinjal ta’ Kristu għalina, li mis-sider minfud tiegħu ħareġ demm u ilma li bihom twaqqfu s-sagramenti tal-Knisja.” L-artal hu dan is-sinjal ta’ Kristu. Fuq l-artal iseħħ il-misteru tal-Ewkaristija li jerġa’ jagħmel preżenti s-sagrifiċċju ta’ Kristu li fuq is-salib offra lilu nnifsu lill-Missier. Għalhekk aħna nqimu dan il-misteru tal-Għid, u lill-artal ninċensawh b’qima.

    L-artal għandu jressaqna lejn Ġesù s-Salvatur tagħna u jgħinna biex nibnu din ir-relazzjoni personali miegħu. Huwa Ġesù li jimlielna ħajjitna bl-imħabba tiegħu. Hu li jurina t-triq it-tajba li twassal għall-ħajja ta’ dejjem. Għalhekk l-artal isaħħaħ ir-rabta mal-Mulej biex aħna nistgħu nieħdu sehem mill-Ġisem u d-Demm ta’ Ibnu u nikbru dejjem aktar f’imħabbtu.

    Mejda fejn niksbu l-qawwa

    “Tkun mejda mżejna li għaliha jħaffu l-mistednin tal-Mulej, biex, waqt li jafdawlu l-ħsibijiet u t-toqol kollu tagħhom, jiksbu qawwa ġdida ta’ qalb ħa jibdew triq ġdida.” L-artal hu din il-mejda speċjali mħejjija għalina, il-mistednin tal-Mulej. Ifakkarna f’dak li smajna fl-ewwel qari minn Bin Sirak: “Ersqu lejja intom li tixtiquni, u timtlew bil-frott tiegħi.”

    Hawn niġu biex niltaqgħu ma’ Kristu u miegħu naqsmu dak kollu li ngħaddu minnu f’ħajjitna – il-ferħ u n-niket, it-tamiet u d-diżappunti, il-weġgħat u l-fejqan tal-ħajja. Nafu li l-Mulej jismagħna u jimliena b’dik il-qawwa li neħtieġu ħalli qatt ma naqtgħu qalbna fil-ħajja, ħalli negħlbu l-biża’ u ma nħallu xejn jifridna minn imħabbtu imma nkomplu l-mixja tal-ħajja b’ħeġġa ġdida.

    Għajn ta’ għaqda                                                                                                              

    “Tkun għajn [referenza għall-artal] ta’ rabta fil-Knisja u għaqda bejn l-aħwa u madwarha jinġabru dawk li jemmnu ħa jiksbu l-ispirtu tal-imħabba għal xulxin.” It-talba tad-dedikazzjoni tal-artal issemmi din l-għaqda ta’ dawk li jemmnu. Miġbura lkoll madwar l-artal aħna lkoll, li jmantnina l-Ġisem ta’ Kristu, ninbnew bħala familja waħda, il-poplu tiegħu magħqud bl-imħabba lejn xulxin. Aħna ninġabru madwar mejda waħda, nieklu minn ħobża waħda li tagħmilna qalb waħda. Dan hu l-iskop tal-artal fil-Knisja, u iktar ma naħdmu tassew għall-għaqda bejnietna, iktar ikun qed jilħaq l-għan tiegħu.

    Nafu li din hi sfida speċjali u diffiċli għalina, għax aħna li ninġabru fil-knisja niġu minn inħawi differenti, u għandna etajiet differenti u ideat differenti. Imma s-sejħa li jagħmlilna l-Mulej hi li nfittxu tassew dak li jgħaqqadna, u kull darba li nersqu lejn dan l-artal wieħed li madwaru ninġabru lkoll, niftakru li din is-sejħa rridu nwieġbu għaliha u naħdmu bis-sħiħ għaliha jekk irridu li nkunu tassew komunità Nisranija.

    Ċentru ta’ tifħir u ringrazzjament

    “Il-mejda tkun iċ-ċentru tat-tifħir u r-radd il-ħajr tagħna, sa ma naslu flimkien fis-saltna ta’ dejjem, fejn noffrulek is-sagrifiċċju ta’ tifħir li ma jintemm qatt ma’ Kristu, il-Qassis il-kbir u l-artal ħaj tagħna.” L-artal hu dan iċ-ċentru ta’ ringrazzjament u tifħir lil Alla. Dak hu li jagħmel is-saċerdot, hu u joffri s-sagrifiċċju tal-fidwa tagħna fuq l-artal. Ifakkarna li ħajjitna kollha għandha tkun innu ta’ tifħir u ringrazzjament. Mhux biss meta nkunu hawn madwar l-artal, imma wkoll meta nkunu madwar imwejjed oħra fid-djar, fil-postijiet tax-xogħol, fil-ħwienet, fil-każini, hu fejn hu. Din hi s-sejħa li jagħmlilna l-Mulej – li kliemna kontinwament ikun kliem li jfaħħar lil Alla, mhux ikasbru jew joffendih. Dan hu l-appell li nixtieq inwassal hawnhekk illum ukoll: li kliemna jkun kliem ta’ gratitudni lejn Alla, li għemilna wkoll ikun għemil ta’ tifħir lil Alla. Kif tgħid it-talba tal-konsagrazzjoni, dan iħejjina sa ma naslu flimkien fis-saltna ta’ dejjem fejn ikun hemm it-tifħir u r-radd ta’ ħajr lil Alla li ma jintemm qatt.                                                               

    Aħna u nifirħu flimkien illum, ejjew dejjem napprezzaw dak li l-artal ifisser għalina u nkomplu ninbnew bħala komunità ħajja u magħquda. Ejjew, f’din il-knisja ddedikata lid-Duluri, nissieħbu mal-Verġni Marija Addolorata, dik l-Omm li għaddiet minn esperjenzi diffiċli f’ħajjitha imma baqgħet wieqfa taħt is-salib b’fidi kbira. Ejjew nitolbu lil din l-Omm biex tgħinna nissieħbu ma’ Kristu fil-passjoni tiegħu, ħalli nieħdu sehem ukoll fil-qawmien tiegħu u nkunu f’ħajjitna u permezz ta’ ħajjitna xhieda ta’ Kristu Rxoxt.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju