L-Evanġelju tal-Ħadd: 29 ta' Settembru

  • Is-Sitta u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
    Qari tal-jum
  • L-Ewwel Qari: Għam 6, 1a. 4-7
    Salm: 145 (146), 7.8-9a.9bċ-10
    It-Tieni Qari: 1 Tim 6, 11-16

    L-Evanġelju: Lq 16, 19-31

  • F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-fariżej: “Mela kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar. U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru, bix-xewqa li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-għani. Sal-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu.

    Ġara li l-fqir miet, u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Imbagħad miet ukoll l-għani, u difnuh. Dan, kif sab ruħu fi tbatijiet ħorox f’Art l-Imwiet, rafa’ ħarstu, u mill-bogħod lemaħ lil Abraham, b’Lazzru fi ħdanu. U għolla leħnu u qallu: “Missier Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li għandi fi lsieni, għax qiegħed ninħaqar wisq f’dan in-nar”. Iżda Abraham qallu: “Ibni, ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati. Barra minn dan, hemm vojt bla qjies bejnkom u bejnna, biex min ikun irid jaqsam minn hawn għal għandkom ma jkunx jista’, u anqas ma jgħaddu minn hemm għal għandna”.

    Qallu l-għani: “Mela nitolbok, missier, ibagħtu f’dar missieri, għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif imiss, li ma jmorrux huma wkoll jiġu f’dan il-post ta’ tbatijiet ħorox!”. Qallu Abraham: “Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom”. Qallu dak: “Le, missier Abraham, imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet, jindmu”. Iżda wieġbu Abraham: “Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu”.