• Il‑Palazz tal‑Arċisqof fil‑Belt Valletta ser jerġa’ jiftaħ il‑bibien tiegħu waqt Notte Bianca 2019, nhar is-Sibt 5 ta’ Ottubru. Dakinhar, il‑viżitaturi jistgħu jżuru bosta kmamar fil‑palazz fosthom il‑piano nobile li jinkludi s‑sala tat‑tron, il‑biblijoteka storika tas‑seklu 18 u l‑ġnien bis‑siġar taċ‑ċitru. Il-Palazz jinsab fin-naħa t’isfel ta’ Triq l-Arċisqof qrib Misraħ l-Indipendenza.

    Għall‑okkażjoni ser tittella’ wirja ta’ dokumenti dwar l‑istorja tal‑bini nnifsu. Dawn jinkludu d‑disinni arkitettoniċi li saru mill‑perit Vincenzo Bonello għar‑restawr tal‑bini tal‑palazz fi żmien l‑episkopat tal‑Arċisqof Mikiel Gonzi. Ser isiru wkoll taħdidiet informattivi dwar il‑proġett ta’ restawr li qed isir f’dan il‑bini.

    Fost il‑pitturi għall-wiri ser ikun hemm dik tal‑Isqof Pawlu Alpheran de Bussan tal‑artist Francesco Zahra, li reġgħet tqiegħdet fis‑Sala tat‑Tron wara li ġiet rrestawrata fl‑2017.

    Mis‑7:30pm ’il quddiem ‘Classique meets Pop Duo’, dwett magħmul minn Lydia Buttigieg u Fiona Cauchi, li ser jagħtu kunċerti ta’ siegħa bl‑arpa u l‑kitarra.

    Il‑Palazz tal‑Arċisqof ser ikun miftuħ mis‑6:00 p.m. sal‑11:00 p.m. u d‑dħul huwa b’xejn.