Downton Abbey

  • ***

    Direttur:          Michael Engler

    Atturi:              Hugh Bonneville, Jim Carter, Michelle Dockery, Elizabeth McGovern, Maggie Smith, Imelda Staunton u Penelope Wilton

    Ħin tal-Film:    122 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      12

    Downton Abbey, dar kbira imponenti f’Yorkshire, fl-Ingilterra, kienet tirrenja armonija sħiħa bejn is-sidien ta’ dan l-estejt u l-ħaddiema li kienu jaħdmu hemm. Fid-dar lussuża kienet toqgħod  il-familja tal-Konti ta’ Grantham, Robert Crawley u l-Kontessa martu, Cora. Il-ġrajja sseħħ fis-sena 1927, żmien ta’ trankwillità  għal dawk li kienu jgħixu hemm sakemm jum wieħed, il-pustier iġib ittra lill-Konti fejn kienet tinfurmah li r-Re George u r-Reġina Mary kienu sejrin jqattgħu lejl f’darhom fi żjara li huma kienu sejrin jagħmlu ġewwa Yorkshire.

    Din l-aħbar qajjmet pandemonju mhux biss qalb il-membri tal-Familja Crawley iżda wkoll qalb il-ħaddiema.  Eċitament kbir ħakem lil kulħadd. Iż-żjara li l-familja rjali  kienet sejra tagħmel f’Yorkshire, ftit li xejn kienet qatt mistennija. Dan kien jitlob li kulħadd jaħdem bis-sħiħ biex din iż-żjara rjali tkun ta’ suċċess. Mrs. Hughes li kellha f’idejha t-tmexxija tad-dar kollha, kienet sejra ttir bil-ferħ bil-ħsieb li kellha tkun hi li tieħu ħsieb direttament il-familja rjali. Mrs. Hughes ħasbet li jkun aħjar li terġa’ issejjaħ lill-veteran butler Mr. Carson, issa rtirat, iżda li ħa pjaċir ħafna li kien hu li sejjer iservi l-familja rjali. Iżda mhux kollox mar sew għaliex isiru jafu li wara kollox ir-Re u r-Reġina, magħhom kienu sejrin iġibu l-impjegati kollha tagħhom fosthom il-kok Franċiż u anke dik li kienet tieħu ħsieb il-palazz irjali. X’sejrin jagħmlu issa meta jsibu ruħhom f’din il-qagħda. Mr. Carson ukoll sab ruħu barra. Kien hemm bżonn li jsir xi ħaġa.

    Sadanittant, min-naħa tal-Familja Crawley, Lady Mary inagħtat l-inkarigu biex tara li kollox imur sew. Sfortunatament  iżda, il-Kontessa Dowager xejn ma ħadet pjaċir li fost dawk li ġejjin, kien hemm Lady Maud Bagshaw li baqgħet bla tfal u rrifjutat li l-wirt tagħha jintiret  mill-Konti ta’ Grantham. Hemm ukoll Tom Branson, ħaten u eks-xufier tal-familja li kien għad għandu sentimenti soċjalisti u repubblikani Irlandiżi. Kif tmur din iż-żjara ta’ ġurnata li l-Familja Rjali kienet ser tagħmel ġewwa Downton Abbey? Tgħid kollox imur sew?

    Film Brittaniku, dramm storiku, taħt id-direzzjoni ta’ Michael Engler u kitba ta’ Julian Fellows. Il-film hu kontinwazzjoni ta’ serje televiżiva bl-istess isem li kien intwera fuq ITV bejn l-2010 u l-2015. Minħabba xi xeni romantiċi u relazzjoni omosesswali, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.