L-Evanġelju tal-Ħadd: 6 ta' Ottubru

  • Is-Sebgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta' Matul is-Sena
    Qari tal-jum
  • L-Ewwel Qari: Ħab 1, 2-3; 2, 2-4
    Salm: 94 (95), 1-2.6-7.8-9
    It-Tieni Qari: 2 Tim 1, 6-8. 13-14

    L-Evanġelju: Lq 17, 5-10

  • F’dak iż-żmien, l-appostli qalu lill-Mulej: “Kattar fina l-fidi!”Weġibhom il-Mulej: “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut: “Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar”, u hi kienet tisma’ minnkom.

    Wieħed minnkom ikollu qaddej qiegħed jaħrat jew jirgħa; meta jidħol mill-għalqa x’se jgħidlu: “Ejja, isa, u oqgħod għall-ikel”? jew: “Lestili x’niekol, ilbes il-fardal u newwilli sa ma niekol u nixrob jien, u mbagħad tiekol u tixrob int”? Jaqaw se jroddlu ħajr lill-qaddej talli jkun għamel li ordnalu?

    Hekk ukoll intom, meta tagħmlu kulma tkunu ordnati, għidu: “Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu”.