• L-Amażon, li nħakem minn nirien qawwija, hu magħruf bħala l-pulmun tad-dinja minħabba li hu wieħed mill-akbar foresti li jipprovdi ossiġnu lill-pjaneta tagħna, iżda mhux l-uniku wieħed. Diversi meded ta’ art miksija siġar f’pajjiżi eqreb tagħna wkoll nħakmu minn nirien kbar matul dan is-sajf, inkluż Malta. F’Ġunju li għadda nqerdet 50 tomna art u 4,600 siġra minħabba li l-masġar tal-Miżieb dam jaqbad għal jumejn sħaħ.

    Quddiem diżastri ambjentali bħal dawn ftit hemm x’nistgħu nagħmlu. Imma jekk inħarsu lejn l-ambjent ta’ madwarna hemm ħafna iktar x’jista’ jsir minna, anke jekk fuq skala iżgħar, biex nieħdu ħsieb lid-dar komuni tagħna.

    Settembru hu x-Xahar tal-Ħolqien – żmien iddedikat lill-ħolqien u l-Ħallieq tiegħu. Il-ħolqien Alla pprovdih għall-ġid tagħna u ta’ dawk li għad iridu jiġu warajna. Kulma jmur qed tinħass l-urġenza li nagħmlu iktar biex insalvaw l-ambjent naturali mill-qerda. Ix-Xahar tal-Ħolqien ifakkarna li sehemna hu essenzjali wkoll.