L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Il-Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta’ Pompeii, Marsaxlokk
12 ta’ Ottubru 2019

Il-Kappillan Fr Luke, għadu kemm qara Evanġelju sabiħ ħafna mill-Evanġelju skont San Luqa. Ġesù jiltaqa’ ma’ 10 min-nies li fi żmienu ma setgħux jgħixu man-nies l-oħrajn. Min kellu din il-marda tal-ġilda, il-lebbra, kien irid jgħix ’l barra mill-belt u meta jara n-nies ġejjin, jew kienu jużaw qanpiena jew inkella jgħatju: ‘lebbruż, lebbruż’ biex dak li jkun ma jersaqx.

Ġesù jersaq lejhom. Xi ħadd minnhom jgħidlu: “Ġesù mgħallem, ikollok ħniena minna” (Lq 17:13). Mela jagħraf li dan ir-raġel mastrudaxxa, it-tifel ta’ mastrudaxxa minn Nazaret, huwa mgħallem imma mhux mgħallem biss tas-sengħa tal-injam kif kien, imma bniedem li kellu l-kelma li tista’ tgħinek tgħix ta’ nies. Għax dak hu l-veru mgħallem: jgħidlek kelma u jgħinek tgħix ta’ nies.

“Ikollok ħniena minna” – issa għal dawn in-nies il-ħniena ta’ Ġesù ma kinitx biss li jaħfrilhom id-dnubiet tagħhom imma li jfejjaqhom minn din il-marda. U x’kienet titlob il-liġi ta’ Mosè? Li jekk bniedem ifiq, għandu bżonn iċ-ċertifikat, iċ-ċertifikat li hu fieq u jista’ jibda jgħix man-nies u bħan-nies. Għalhekk Kristu qalilhom: “Morru għand il-qassisin” (Lq 17:14). Il-qassisin għalfejn? Mhux biex iqerru, biex malli jindunaw li mfejqin, il-qassis kellu d-dover jagħmel ċertifikat. Isma’ dan ir-raġel fieq, mela jista’ jibda jaħdem, jista’ jibda jgħix mal-familja, jista’ jgħix fil-belt, mhux ’il bogħod, abbandunat. U dawn imorru, jobduh. U fit-triq ndunaw li fiequ. Fiequ biex? Tahom xi ħaġa x’jixorbu? Xejn! Il-Kelma tiegħu! Il-Kelma ta’ Ġesù li tfejjaqhom. Il-Kelma ta’ Ġesù li terġa’ tagħmilhom nies u tagħtihom il-possibbiltà li jgħixu ta’ nies.

Kemm hi ħaġa sabiħa li l-omm u l-missier l-ulied jgħidulhom grazzi, mhux wara, meta mmorru ċ-ċimiterju nagħmlu l-fjuri u x-xemgħa.

Wieħed minnhom ma jibqax sejjer. Jgħid: ‘issa sew, lil dak lanqas għidnielu grazzi aħna’. Imma wieħed minn 10, wieħed! Jerġa’ jmur lura, jinxteħet għarkopptejh quddiem Ġesù biex jgħidlu grazzi li kien fejqu. U l-Mulej jifraħ għal dik il-fidi ta’ dan ir-raġel li kien mhux biss lebbruż, kien Samaritan, hux veru hekk jgħidilna l-Evanġelju? X’jiġifieri Samaritan? Li wieħed li l-Lhud lanqas biss kienu jkellmuh. Dan kien abbandunat iżjed mill-oħrajn għax mhux biss kien lebbruż li bilfors irid jgħix barra mill-belt, il-Lhud anke meta jkun b’saħħtu, ma jkellmuhx. Għax dawn kienu jemmnu l-Lhud l-oħrajn naqra mneħirhom imxammar, li dawn il-fidi tagħhom ma kinitx tal-perfetti, insomma bħal tagħna. Imma dak imur għand Ġesù! U jgħidlu: “Grazzi, sinjur”. 

U Ġesù jgħidlu: “Imma jien mhux 10 fejjaqt? Wieħed ġie?” (Lq 17:17). Ara Ġesù japprezza min jgħidlu grazzi. Aħna wkoll hekk, l-istess. Tagħmel pjaċir, lanqas biss qaltli grazzi. Mhux hekk biss, tkun għadejja mit-triq, taqsam il-bankina biex tmur in-naħa l-oħra. U aħna nħossuha din, għax dawn kummiedji ta’ kuljum. U Ġesù għandu l-qalb tagħna wkoll. Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna nitgħallmu ngħidu grazzi lil xulxin, qabel lil Alla. Għax jekk inti m’intix kapaċi tgħid grazzi lill-kappillan li qed tara, kif tista’ tgħid grazzi lil Alla li ma tarax? Intom qed tikbru issa qed titfarfru, qed titgħallmu tgħidu grazzi lill-ġenituri tagħkom?

Jiena naf żgħażagħ jgħallmuni. Meta jiġi l-birthday kulħadd jieħu pjaċir jirċievi xi kartolina jew almenu sms, illum biex toqgħod tixtri kartolina. Tibgħat sms jew tikteb xi ħaġa fuq Facebook. Imma meta jagħlqu żmienhom jiftakru fil-ġenituri tagħhom, fil-fabbrika. U jgħidu grazzi lil ommhom u lil missierhom. Għax aħna fil-birthday naħsbu fina nfusna. Meta tibda tixjieħ tibda tinsieh naqra l-birthday imma tkun għadek qed tikber u issa llum 12, dalwaqt 13, dalwaqt 14, imma ieqaf ftit ftakar min ġabek fid-dinja lilek? Dakinhar li inti qed tiċċelebra li twelidt, waqaft ftit biex tgħid grazzi lil dawk il-kreaturi li ġabuk fid-dinja? Kemm hi ħaġa sabiħa li l-omm u l-missier l-ulied jgħidulhom grazzi, mhux wara, meta mmorru ċ-ċimiterju nagħmlu l-fjuri u x-xemgħa. Dak sabiħ imma kemm hu tajjeb li nkunu għamilna hekk fil-ħajja, meta għad għandek iċ-ċans!

Ġieli niltaqa’ ma’ nies li xi ħadd għażiż ikun mitilhom għal għarrieda u jgħidlek: ‘jiddispjaċini li ma kellix ċans ngħidilha inħobbok ma! Isimgħu minni, għax jiena llum ġejt u dalwaqt immur, imma almenu jekk kelma teħel minn dak li qed ngħidilkom, jiena nkun kuntent. Tgħallem għid grazzi mhux bil-paroli biss, bil-fatti. Issa qed tikbru, taf liema l-ikbar grazzi lil min iħobbkom? Li tgħixu ta’ nies, li parir teħduh, parir tajjeb, għax hawn ħafna min jaghti pariri ħżiena wkoll. Jgħidlek: ‘ħu naqra droga, taf kemm tagħmillek buzz’. Iva u lil ommok bikkejtha u ’l missierek fnejtu biex ma ngħidlekx ukoll qaxxartlu l-but. Għax dak il-grazzi, il-grazzi mhux tal-paroli, il-grazzi li inti kelma tismagħha.

Kultant jien ngħid wara li nagħmlilkom il-Griżma, tibbisilkom raskom. Ma nafx x’jiġri. U l-ġenituri jgħiduli: ‘Toqgħodx tinkwieta Monsinjur, dak diġà rasu iebsa’. L-Ispirtu s-Santu jiġi wkoll biex irattab fejn hemm l-ebusija. Hekk ngħidulu fil-festa tiegħu ta’ Pentekoste, Għid il-Ħamsin: “Rattab fejn hemm l-ebusija”. Għax ir-ras iebsa ma tgħinhiex l-aħwa. Ir-ras iebsa xi tfisser? Tagħmel ta’ rasek, ma titlobx parir, mingħalik tiegħek biss tajjeb. L-Ispirtu s-Santu llum se jagħtik il-qawwa tkun nies u tgħix ta’ nies, titgħallem tgħid grazzi. Titgħallem ukoll meta tiżbalja u tinduna, tgħidlu: ‘Sinjur, aħfirli, tassew ma nerġax.’

Issa aħna meta ngħidulu grazzi lil Ġesù? Aħna almenu, jekk mhux matulek ja ġimgħa, darba fil-ġimgħa niltaqgħu għall-Ewkaristija. Tafu xi tfisser Ewkaristija? Ħa ngħidilkom. Ngħidu grazzi. Intom naf li tħobbu ssiefru, ’il quddiem min jaf kemm se ssiefru. Jekk tmur il-Greċja u tordna kafè, taf kif tgħidlu grazzi lill-waiter? Ewkaristo, hekk trid tgħidlu, illum mhux fi żmien Ġesù għax l-istess lingwa li biha nkitbu l-Evanġelju, inkiteb bil-Grieg. Ewkaristo, l-Ewkaristija hija li tirringrazzja lil Ġesù. U aħna li jgħinna matulek ja ġurnata, għandna 24 siegħa kuljum imqaddes, almenu siegħa waħda fil-ġimgħa ngħidulu: ‘ħa mmorru fid-dar tiegħek biex ngħidlek grazzi, għadni ngħix, b’saħħti, għandi l-ħbieb.’ Imbagħad kultant tiġi qalbek maqsuma wkoll, twassal lil min mar għall-ħajja ta’ dejjem jew inkella fil-mard tiegħek u tgħidlu bħalma qalulu dawk in-nies, dawk l-irġiel: “Sinjur, ħenn għalija, għinni”. L-Ispirtu s-Santu li se jiġi fil-qalb tiegħek, huwa dak l-Ispirtu li f’qalbek jgħajjat “Abba” jiġifieri missier, jgħinek titlob, jgħinek titkellem ma’ Alla. U aħna dan nitolbu għalikom illum.

Il-parrinu mhux għar-ritratt, għall-eżempju, għax il-kelma tqanqal imma l-eżempju jkaxkar.

Kelma lill-ġenituri biex ngħidilkom almenu ngħidilkom jien ukoll grazzi li ġibtu lil uliedkom hawnhekk. Illum quddiemna, issa dak li għamiltu intom meta kienu trabi, kif qalu dawk iż-żewġ żgħażagħ fil-bidu, se jagħmluh huma, se nisimgħuhom aħna jiċħdu lix-xitan u jġeddu – għalhekk konfirmazzjoni – il-fidi tagħhom, huma. Imbagħad bid-dilka u bil-barka tal-Isqof u t-tqegħid tal-idejn, se jirċievu dak kollu li l-Missier tas-sema jista’ jagħtihom, l-Ispirtu qaddis tiegħu. Għalfejn? Biex kif intom tixtiquhom b’saħħithom fil-ġisem, ikunu b’saħħithom fl-ispirtu, fir-ruħ.

L-aħħar kelma lill-parrinijiet. L-ewwel nett grazzi wkoll – mhux għar-rigal qed ngħid – grazzi li aċċettajtu tkunu parrinijiet ta’ dawn iż-żgħażagħ għax dan ifisser li se tagħtuhom eżempju tajjeb, se titolbu għalihom u se tkunu ta’ sapport. Għax aħna ħafna drabi meta nkunu qed nikbru biex tgħid lil ommok u lil missierek naqra diffiċli, hemm bżonn ikun hemm xi ħadd li jista’ jiggwidak, imma ovvjament il-kelma tqanqal, kif ngħidu bil-Malti, il-kelma tqanqal u l-eżempju jkaxkar. Il-parrinu mhux għar-ritratt, għall-eżempju, għax il-kelma tqanqal imma l-eżempju jkaxkar.


✠ Charles J. Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta  

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 2 Slat 5, 14-17
Salm: 97 (98), 1.2-3ab.3ċd-4
Qari II: 2 Tim 2, 8-13
Evanġelju: Lq 17, 11-19

Ritratti: knisja.mt/ritratti