Patri Avertan

Ta’ kull sena l-Ordni Karmelitan jorganizza programm ta’ ċelebrazzjonijiet fl-anniversarju mill-mewt tal-Qaddej ta’ Alla tal-Patri Karmelitan Avertan Fenech. Din is-sena jagħlaq 76 sena mejjet. Fl-2017 l-Arċidjoċesi fetħet l-Inkjesta Djoċesana, li ntemmet b’suċċess u ġiet validata unanimament mill-Kongregazzjoni tal-Qaddisin, għall-beatifikazzjoni ta’ dan il-patri. Mill-inkjesta ħarġu b’mod konvinċenti u ċar li l-provi tal-ħajja tal-virtù, il-fama tal-qdusija, u l-fama tal-għeġubijiet ta’ Patri Avertan. Għaldaqstant il-Kongregazzjoni tal-Qaddisin tat l-approvazzjoni għall-ħidma tal-Positio li fiha l-Karmelitani jridu jippruvaw li l-qaddej ta’ Alla għex il-virtujiet erojċi, li l-fama tal-qdusija ħarġet spontanja mill-poplu ta’ Alla sa mill-mewt tiegħu, u li minn mewtu sal-lum igawdi fama ta’ interċessur quddiem Alla u tawmaturgu.Il-ħidma fuq il-Positio ma waqfitx għal dawn l-aħħar sentejn u waslet fil-punt li tiġi sottomessa lir-Relatur Mons. Tagliaferri li huwa Professur tal-Istorja tal-Knisja, minħabba li l-kawża hija waħda storika, il-Kongregazzjoni tal-Qaddisin għażlitu bħala dak li jivvaluta u jidderieġi x-xogħol fuq il-Positio. Il-Positio fil-fatt se tintbagħatlu wara l-1 ta’ Novembru 2019.Fil-programm taċ-ċelebrazzjoni tat-tifkira tal-mewt tal-Qaddej ta’ Alla se jsir seminar li jippreżenta u jispjega l-Positio u l-ħidma fuqha għal kull min jinteressah isir jaf aktar dwarha.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-proċess tal-beatifikazzjoni ta’ Patri Avertan fit-2 ta’ Frar 2017


PROGRAMM TA’ ATTIVITAJIET

Is-Sibt 26 ta’ Ottubru
Seminar fuq il-Positio ta’ Patri Avertan Fenech li jinkludi preżentazzjoni tal-ħidma fuq il-Positio mill-Postulatriċi Ġenerali bejn id-9.30am u n-12.30pm fil-Carmelite Institute Malta, il-Kunvent tal-Karmnu, l-Imdina. Miftuħ għal kulħadd. Informazzjoni u applikazzjoni: [email protected]
09.30am Quddiesa bl-omelija fuq il-Qaddej ta’ Alla P. Avertan Fenech
10.15am Pawsa
10.45am X’inhi Positio? Kif tinħadem? X’inhu l-iskop tagħha? minn Dr Giovanna Brizzi, Postulatriċi Ġenerali
11.30am Pawsa
11.45am Il-Positio fuq il-Qaddej ta’ Alla P. Avertan Fenech minn P. Charlò Camilleri, Rita Vella Brincat, Sharon Bonnici

It-Tnejn, it-Tlieta u l-Erbgħa 28-30 ta’ Ottubru
Talb bi tħejjija għat-tifkira mill-mewt fil-knejjes kollha Karmelitani.


L-Erbgħa 30 ta’ Ottubru

Ċelebrazzjoni fil-Bażilika Parrokkjali ta’ Santa Marija, il-Mosta. Fis-6pm tibda l-adorazzjoni u fis-6.30pm tiġi ċelebrata Quddiesa. Wara jsir it-tqegħid tal-kuruni mal-monument.


Il-Ħamis 31 ta’ Ottubru

Fil-knejjes kollha Karmelitani matul il-jum issir il-quddiesa fl-anniversarju mill-mewt. Fis-6.30pm issir velja u Quddiesa konċelebrata fil-Karmnu tal-Imdina.