Gwanni 3,7-15

La tistagħġibx jekk jiena għedtlek li jeħtiġilkom titwieldu mill-ġdid. Ir-riħ fejn irid jonfoħ; tisma’ ħossu, imma ma tafx mnejn hu ġej jew fejn hu sejjer. Hekk jiġri minn kull min jitwieled mill-Ispirtu.” “Kif qatt jista’ jkun dan?” raġa’ qallu Nikodemu. U Ġesù qallu: “Inti mgħallem f’Iżrael u dan ma tafux? Tassew tassew ngħidlek li aħna qegħdin nitħaddtu fuq dak li nafu, u qegħdin nagħtu xhieda ta’ dak li rajna, imma x-xhieda tagħna ma tilqgħuhiex. Jekk intom ma temmnux meta nitkellem magħkom fuq il-ħwejjeġ ta’ l-art, kif sejrin temmnu meta nkellimkom fuq il-ħwejjeġ tas-sema? Ħadd ma tela’ s-sema ħlief Bin il-bniedem, li niżel mis-sema. U kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.